Il-Partit Nazzjonalista spjega kif it-tiġrif tal-binja fil-qalba ta’ Paceville mhu xejn ħlief twissija oħra dwar is-sitwazzjoni f’dan il-qasam. Dak li seħħ ilbieraħ seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar u hu xhieda li għadna ma tgħallimniex mill-iżbalji tal-imgħoddi.
Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Stanley Zammit, Darren Carabott u Ian Vassallo, qalu li l-fatt li ma miet ħadd f’dan il-każ m’għandux ikun skuża biex ma nagħmlu xejn. Anzi għandu jservi ta’ xprun biex nieħdu azzjoni llum qabel għada.
Wara l-ħafna traġedji li seħħew u minkejja r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Inkjesta Sofia, jirriżulta li għadna lura immens milli jkollna s-serħan il-moħħ li wieħed jistenna li jkollu f’pajjiż Ewropew.
Li kieku ma kienx għar-residenti stess li ħadu azzjoni, kieku llum stenbaħna għall-aħbar tat-tkexkix tat-telfa ta’ xi 30 persuna.
Illum dawn l-istess persuni sebħu bla dar, u oħrajn li kellhom negozji fil-madwar tilfu l-post minn fejn jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Dan kollu għandu mhux biss impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum imma għandu wkoll impatt qawwi fuq is-saħħa mentali tal-persuni.
Fin-nuqqas ta’ sistemi preventivi robusti, it-traġedja li jmiss mhux kwistjoni ta’ jekk, imma meta.
Waqt li jifhem li bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet u l-inkjesti mill-awtoritajiet, il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-kollass ta’ din il-binja seta’ kellu konsegwenzi ħafna aktar koroh minħabba d-dgħufija tas-sistemi preventivi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Għalhekk il-PN iħeġġeġ lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) biex jużaw l-għodda li ngħatatilhom permezz ta’ tibdil fil-liġi biex ikunu parteċipi b’mod effettiv fl-inkjesta li għaddejja.
L-awtoritajiet għandhom jaċċertaw li jisiltu t-tagħlimiet kollha minn dan l-aċċident, li seta’ nbidel fi traġedja oħra, fosthom dwar is-serjetà li biha jiġu assessjati l-method statements u l-condition reports, kif ukoll l-immedjatezza tar-rispons u l-ipproċessar tar-rapporti.
L-Inkjesta Sofia tobbliga lil dawn l-awtoritajiet li jipproteġu liċ-ċittadini u tenfasizza fuq il-prevenzjoni.
Ix-Shadow Ministers sostnew li sena u nofs wara li ġiet konkluża din l-Inkjesta, il-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex jimplimenta r-rakomandazzjonijiet li sarulu.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dak kollu li joħroġ mill-investigazzjonijiet tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol dwar dan l-aħħar każ ikun ippubblikat u jintuża biex isiru l-aġġornamenti meħtieġa fil-prattiki marbuta mal-kostruzzjoni biex ma nibqgħux nisimgħu bi traġedji bħal dawn.
Kelma ta’ radd il-ħajr, sostnew ix-Shadow Ministers, tmur għall-Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li taw l-għajnuna tagħhom fil-ħidma fuq il-post wara li ġġarrfet din il-binja, kif ukoll lil dawk li pprovdew l-assistenza medika meħtieġa.
Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jaħdem biex is-sistemi preventivi jkunu ħafna anqas burokratiċi, ħafna inqas frammentati u ħafna iżjed effettivi u effiċjenti, permezz ta’ sistemi integrati, monitoraġġ robust u proċessar skjett tar-rapporti, permezz ta’ investimenti adegwati fit-teknoloġija u fir-riżorsi umani.
Ix-Shadow Ministers sostnew li l-kwalità tal-ħajja tan-nies għandha tkun imsejsa fuq is-serħan il-moħħ li darhom hija post sikur.
//= $special ?>