Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jilmenta mal-IĠM wara Fake News oħra tal-Labour u l-media tiegħu

L-esperti tal-Fake News bi storja kompletament ivvintata dwar il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN li saret ilbieraħ

Il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment formali quddiem l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) wara l-Fake News li vvinta l-Partit Laburista lbieraħ permezz tal-midja tiegħu.

Wara li ilu għal dawn l-aħħar jiem joħroġ bi stejjer fabbrikati fuq il-Partit Nazzjonalista, il-portal tal-aħbarijiet tas-Super One lbieraħ filgħaxija niżel fl-aktar livell baxx meta ħareġ b’Fake News oħra b’rabta mal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ssejħet minn Bernard Grech wara li rriżenja minn Kap tal-PN biex l-Eżekuttiv japprova l-proċess li għandu jwassal biex jinħatar is-suċċessur tiegħu.

L-esperti tal-Fake News iffabbrikaw storja li matul din il-laqgħa kien hemm ġlied kbir u anke żeffnu fin-nofs tliet persuni li lanqas biss kienu preżenti għal din il-laqgħa, bl-użu ta’ ritratt tagħhom intiż biss biex iqarraq.

Id-Deputat Adrian Delia jinsab rikoverat id-dar għax għadu kif ħareġ mill-isptar wara operazzjoni, id-Deputat Karol Aquilina ma setax jattendi minħabba li kellu impenn uffiċjali ieħor, u t-tielet persuna li ntweriet fir-ritratt – l-Avukat Jason Azzopardi – ilu madwar tliet snin mhux membru tal-Eżekuttiv tal-PN. Aħseb u ara kemm dawn it-tlieta setgħu kienu parti minn xi ġlied li l-midja tal-Labour ivvintat li nqala’ waqt l-Eżekuttiv, kif implikat meta tpoġġew ir-ritratti tagħhom taħt titlu u artiklu intiżi biss biex iqarrqu.

Il-kontenut tal-artiklu tal-midja Laburista kien kompletament ivvintat mill-bidu sal-aħħar. Tant li diversi membri tal-Eżekuttiv tal-PN fosthom il-parti l-kbira tad-Deputati tal-PN li kienu preżenti kkummentaw mill-ewwel dwar din il-Fake News u kkundannaw il-mod kif il-Labour qed juża l-midja tiegħu biex jimmanipula l-verità u jivvinta storja mix-xejn biex jagħti stampa differenti ta’ dak li seħħ.

Għall-kuntrarju tal-gideb tal-Labour, il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-bieraħ kienet waħda kordjali għall-aħħar, mimlija emozzjonijiet fid-dawl tal-fatt li kienet l-aħħar waħda għal Bernard Grech, u matulha kienet saħanistra approvata b’vot unanimu Mozzjoni ta’ radd il-ħajr lil Bernard Grech għas-servizz li ta lill-PN u lill-pajjiż f’dawn l-aħħar ħames snin.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jinvestiga l-ilment u l-aġir tal-midja Laburista, u filwaqt li jikkundanna din il-Fake News, jieħu l-passi kollha li jipprovdi l-Kodiċi tal-Etika għall-Ġurnalisti. Dawn jinkludu rikonoxximent pubbliku ta’ dan il-ksur gravi tal-Kodiċi tal-Etika u l-ordni li ssir korrezzjoni xierqa tal-artiklu.

Flok jigdeb bl-addoċċ fuq ħaddieħor u jivvinta stejjer fuq nies li lanqas biss kienu preżenti għal-laqgħa tal-bieraħ, ikun aħjar kieku l-Labour jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

Intant, dan kollu ħareġ fi stqarrija ffirmata mid-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Nathaniel Attard.