Il-Qorti aċċettat it-talba ta’ Jeanette Aquilina, mart il-kofundatur ta’ Repubblika Robert Aquilina, biex jitwaqqfu l-akkużi ta’ vjolenza domestika miġjuba kontra żewġha, billi qalet li dak li qalet lill-Pulizija qed jintuża “għal skopijiet ta’ manipulazzjoni u attentat ta’ assassinju tal-karattru ta’ żewġha”.
“Niddikjara li ma rridx inkun, u mhux se nkun, parti fil-persekuzzjoni kontra żewġi Robert,” kitbet Jeanette Aquilina fid-dikjarazzjoni ppreżentata quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, li kienet qed tisma’ l-każ fil-Qorti tal-Familja.
Fid-dikjarazzjoni tagħha, Jeanette Aquilina insistiet: “Kuntrarjament għal dak li qed jiġi rrappurtat fil-midja tal-Partit Laburista, it-talba tiegħi biex jitwaqqaf il-każ ma tfissirx maħfra. Il-verità hi li l-problemi bejni u bejn żewġi huma ta’ natura familjari u mhux kriminali, u huma riżultat primarjament tal-istress kontinwu li ilna għal żmien twil għaddejjin minnu minħabba l-involviment pubbliku ta’ Robert.”
Hija spjegat li fit-30 ta’ Mejju, il-koppja kellha argument li fih intqal kliem b’vuċijiet għolja, li ġibed l-attenzjoni tal-pulizija li kien fuq il-post bħala membru tas-sigurtà permanenti barra d-dar tagħhom. “Niddikjara li f’ħin minnhom matul l-argument, ma wasalniex biex nużaw vjolenza fuq xulxin,” kitbet Jeanette Aquilina.
L-inċident ġibed l-attenzjoni pubblika wara li ġie rrappurtat fil-midja li, minkejja li inizjalment il-pulizija ġew infurmati li ma kienx hemm bżonn l-intervent tagħhom, wara ftit ħin mart Aquilina ħarġet u talbet l-assistenza. Sussegwentement, Robert Aquilina ġie mistieden għall-interrogazzjoni fil-kwartieri tal-pulizija fil-Floriana. Huwa ċaħad kwalunkwe akkuża u talab biex tkun rispettata l-privatezza tal-familja. Dak iż-żmien, kienu dehru rapporti li se jitressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika.
Fil-jiem ta’ wara, Aquilina rriżenja minn Repubblika u ssospenda l-irwolijiet tiegħu fil-Fondazzjoni Falcone, inkluż is-sħubija tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tagħha.
Fl-10 ta’ Ġunju, Jeanette Aquilina ressqet talba biex jitwaqqfu l-proċeduri kriminali kontra żewġha. Fid-dikjarazzjoni tagħha lill-Qorti, hija kitbet: “Niddikjara li hija x-xewqa tiegħi u ta’ żewġi Robert li nħallu dawn il-ġranet warajna u mmexxu ’l quddiem kif inħossu li hu l-aħjar għalina u għat-tliet ulied tagħna.”
Hija kompliet tgħid: “Dak li għedt lill-pulizija qed jiġi sfruttat u manipulatt sabiex tintuża bħala mezz ta’ persekuzzjoni u assassinju tal-karattru ta’ żewġi Robert.”
Hija wriet dispjaċir li żwieġhom inxtered fil-pubbliku u kkundannat dak li sejħet bħala ‘leaks’ mill-pulizija lejn il-midja, li kellhom biss l-iskop li jagħmlu ħsara lilhom u lit-tliet uliedhom.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ried li jinstemgħu xi xhieda
Fil-ġudizzju tagħha, il-Maġistrat Lara Lanfranco laqgħet it-talba ta’ Jeanette Aquilina. Il-Qorti nnutat li l-Kummissarju tal-Pulizija kien ippreżenta rikors biex jinstemgħu xhieda oħra qabel tittieħed id-deċiżjoni finali fuq it-talba ta’ rinunzja. Dawn ix-xhieda kellhom jitkellmu dwar il-mertu tal-każ.
Il-Qorti qalet li għandha diskrezzjoni tagħha jekk għandhiex tordna s-smigħ ta’ xhieda qabel tiddeċiedi dwar talba ta’ rinunzja, iżda fil-każ partikolari, wara li semgħet ix-xhieda ta’ Jeanette Aquilina, ma ratx il-ħtieġa li tagħmel dan l-eżerċizzju, u għalhekk irrifjutat it-talba tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Dwar ix-xhieda ta’ Jeanette Aquilina, il-Qorti qalet li “ma għandhiex l-iċken dubju li kienet sinċiera” u li ħadd ma pprova jinfluwenza d-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti ikkonstatat li għamlet it-talba b’sens ta’ responsabbiltà għall-ġid tar-relazzjoni tagħhom u fl-aħjar interess tat-tliet uliedhom.
“Li jkomplu l-proċeduri jkun ta’ ħsara għal kull min hu involut u jkompli jżid l-inkwiet u d-distruzzjoni għall-familja,” ikkonkludiet il-Maġistrat. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li l-proċeduri kontra Robert Aquilina jitwaqqfu.
Għal Jeanette Aquilina dehret l-avukat Charmaine Cherrett u għal l-Avukat Robert Aquilina dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi.
//= $special ?>