Lokali

Ir-Reġjun tal-Lvant jikkundanna dak li seħħ fil-Għargħur

“Is-sitwazzjoni fil-Għargħur għandha tittieħed bis-serjetà… għal benefiċċju tan-nies tal-Għargħur, li vvotaw b’maġġoranza għall-Partit Nazzjonalista”.

Iddikjara dan is-Sindku Nazzjonalista tal-Lokalità tal-Iklin, Dorian Sciberras f’kummenti li ta lil din il-kamra tal-aħbarijiet wara laqgħa tal-Kunsill Reġjun il-Lvant li approvat il-mozzjoni favur id-demokrazija fil-Kunsill Lokali tal-Għargħur… ippreżentata mis-Sindki tal-Partit Nazzjonalista. Bis-Sindki tal-Partit Laburista jivvotaw kontra l-mozzjoni favur id-demokrazija.

Fil-laqgħa li saret il-Ħamis filgħaxija, kien spjegat illi l-ħtif antidemokratiku tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur mill-Partit Laburista kien għad-detriment tar-residenti tal-Għargħur. Fejn kien elenkat ukoll li l-ħtif tas-Sindikat tal-Għargħur imur kontra l-prinċipji tad-demokrazija għaliex ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu, ġiet totalment injorata.

U huwa propju għalhekk li, Dorian Sciberras, f’isem il-kumplament tas-Sindki Nazzjonalista preżenti tenna li l-Gvern għandu jsejjaħ elezzjoni fil-Għargħur immedjatament sabiex id-deċiżjoni tmur lura għand ir-residenti tal-Għargħur.

Madanakollu, meta affaċċjata bil-mistoqsijiet minn din il-kamra tal-aħbarijiet, is-Sindku Laburista tal-Għargħur Mariah Meli, ħarbet għal kollox milli twieġeb dwar jekk hux se tkun qed tippreżenta provi konkreti li jissostanzjaw l-allegazzjonijet fil-konfront ta’ Helen Gauci.

Dan filwaqt li – viżibilment skomda – ma weġbitx dwar il-fatt li hi ma tgawdix il-fiduċja tal-maġġoranza tan-nies tal-Għargħur.

Fil-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena, tressqet mozzjoni kontra s-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci, li ssarrfet fil-ħtif ta’ dan il-Kunsill Lokali mill-Partit Laburista, dan minkejja li propju sena ilu n-nies tal-Għargħur ivvotaw b’maġġoranza qawwija sabiex Sindku Nazzjonalista tkun fi tmun ta’ dan il-Kunsill.