Futbol Sport

Kevin De Bruyne plejer ġdid ta’ Napoli, Trent Alexander-Arnold preżentat minn Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Kevin De Bruyne sar uffiċjalment plejer ta’ Napoli wara li ntemm il-kuntratt tiegħu ma’ Manchester City. De Bruyne se jissieħeb mal-eks kowċ ta’ Chelsea u Tottenham Antonio Conte, fejn dan tal-aħħar ikkonferma li se jibqa’ kowċ ta’ Napoli għal staġun ieħor.

De Bruyne rrifjuta bosta offerti fosthom mingħand it-tim mill-MLS Chicago Fire, dan sabiex fl-istaġun li ġej jilgħab fil-UEFA Champions League. Il-plejer ta’ 33 sena kien ilu jilgħab 10 snin għal Manchester City fejn rebaħ 19-il trofew.

Fost l-unuri li rebaħ ma’ City, De Bruyne kiseb sitt darbiet il-Premier League, darbtejn l-FA Cup u darba l-UEFA Champions League. Hu kien parti mill-iskwadra li fl-2023 rebħet it-treble taħt it-tmexxija ta’ Pep Guardiola.

Intant matul il-jum tal-Ħamis, Real Madrid ħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist tad-difensur Ingliż Trent Alexander-Arnold li ssieħeb mat-tim Spanjol mingħand Liverpool.

Hu kien preżentat lill-midja Spanjola fejn indirizza lil dawk preżenti bl-Ispanjol. Alexander-Arnold li għandu 26 sena qal li din kienet ħolma li saret realtà u li qed iħoss responsabbiltà kbira.

Trent, l-isem li se jkollu fuq il-flokk se jkun qed jilgħab bin-numru 12. Hu ssieħeb mal-Los Blancos għas-somma ta’ £10 miljun sabiex ikun jista’ jilgħab fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs li se tibda nhar il-Ħadd li ġej.