Il-każ li seħħ ilbieraħ f’Paceville jikkonferma l-ħtieġa immedjata ta’ riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. U l-importanza li ssir analiżi tal-bini kollu; inkluż dak eżistenti.
Dan intqal mill-Kamra tal-Periti fi stqarrija maħruġa dalgħodu.
Il-kamra qed tappella għal review tal-bini u strateġija li titfa’ dawl fuq postijiet li għandhom bżonn tiswijiet jew manutenzjoni strutturali.
Dwar dan il-każ ta’ Paceville, diġà skattat investigazzjoni mill-Kamra tal-Periti – l-aktar sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi forma ta’ negliġenza.
Fl-istess waqt, il-Kamra faħħret lil żewġ periti li kienu ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet fil-jum ta’ qabel sabiex il-binja – li kienet biswit sit ta’ kostruzzjoni – tiġi evakwata. Fi kliem il-Kamra tal-Periti, din l-azzjoni f’waqqtha wasslet biex ġew salvati l-ħajjiet ta’ 32 persuna.
“L-azzjoni li ttieħdet kienet deċiżiva biex ġiet evitata traġedja li l-kobor tagħha bla dubju li qatt ma konna rajna bħalha fl-istorja kieku effettivament ġrat”, qalet il-Kamra tal-Periti fl-istqarrija.