Lokali

L-APAN trodd ħajr lil Bernard Grech

Bħala Kap tal-PN dejjem appoġġja proposti għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-anzjani u l-pensjonanti

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) f’laqgħa li kellu dalgħodu fid-Dar Ċentrali tal-PN, unanimament irringrazzja lil Bernard Grech għall-ħames snin ta’ ħidma tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Matul dawn il-ħames snin, Bernard Grech ġab mill-ġdid l-għaqda fil-Partit u wassal għal riżultati mill-aktar pożittivi fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali li saru f’Ġunju tas-sena l-oħra.

fi stqarrija, l-APAN sostniet li Bernard Grech dejjem semagħha u inkoraġġiha biex tressaq proposti għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-anzjani u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin, u biex jitnaqqas in-numru ta’ anzjani fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

“Grazzi Bernard Grech, tat-tama ġdida li tajtna”, qalet l-APAN.

“Grazzi talli dejjem ġibt fuq quddiem il-ġid tal-Partit Nazzjonalista u tal-għażiża Malta tagħna.”