L-International Atomic Energy Agency (IAEA) – l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti għall-proġetti nukleari – iddikjara formalment li l-Iran, għall-ewwel darba f’20 sena, qed jabbuża l-obbligi biex jevita l-proliferazzjoni tal-ħażniet nukleari tiegħu.
Dan fost l-inkwiet li l-Iran jista’ jkun eqreb minn qatt qabel għall-produzzjoni tal-warheads nukleari għall-missili tal-qawwiet tiegħu.
Id-dikjarazzjoni ħariġha l-bord tal-gvernaturi tal-IAEA – b’dsatax minn fost il-35 pajjiż irrappreżentati fuq dan il-bord jivvutaw favur il-mozzjoni mressqa mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja.
L-akkuża semmiet ‘il-ħafna fallimenti tal-Iran’ biex jipprovdi lill-IAEA bid-dettalji mitluba dwar il-materjal nukleari mhux iddikjarat mit-tmexxija f’Tehran. Dan u attivitajiet oħrajn fil-qasam nukleari qed jindikaw biċ-ċar nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-Iran mal-obbligi li kien daħal għalihom snin ilu.
Dan waqt li l-IAEA esprima anki tħassib dwar il-ħażniet tal-uranjum irraffinat tal-Iran – materjal li kapaċi jintuża għall-produzzjoni ta’ fuel għar-reatturi nukleari u anki għall-armamenti għall-qerda tal-massa.
Min-naħa tagħhom, l-Iranjani kkundannaw din ir-riżoluzzjoni bħala ‘waħda politika’ – u bil-kelliema għall-Gvern jiżvelaw li l-pajjiż għandu jiftaħ faċilità ġdida għall-irraffinar tal-uranju.
L-IAEA, ftit tal-jiem ilu, kien ħareġ rapport li kkritika ‘in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ġenerali min-naħa ta’ Tehran’ fost l-istqarrija li l-Iran kompla jakkumula l-uranju fuq livell simili għal ‘weapons grade’ – u bil-potenzjal li jipproduċi tal-anqas disa’ bombi nukleari.
Intant, l-Iran, fil-preżent, qed jinsisti li l-attivitjaiet nukleari tiegħu huma totalment paċifiċi u li qatt mhu se jipprova jikseb jew jiżviluppa l-armamenti atomiċi.
//= $special ?>