“Niddikjara li dak li jien stqarrejt lill-Korp tal-Pulizija qed jiġi sfruttat u manipulat biex issir persekuzzjoni u assassinju tal-karattru ta’ żewġi Robert.”
Sostniet dan il-mara tan-Nutar Robert Aquilina f’dikjarazzjoni uffiċjali li bagħtet fejn irreferiet għad-diżgwid li seħħ fir-residenza tagħhom fit-30 ta’ Mejju li għadda.
F’din id-dikjarazzjoni hija qalet li matul dan id-diżgwid fl-ebda mument ma’ rrikorrew għall-vjolenza fuq xulxin. Dan filwaqt li qalet li huma jinsabu ddispjaċuti li fis-sigħat u fil-jiem wara li seħħ dan id-diżgwid, iż-żwieġ tagħhom ġie mżeblaħ b’mod pubbliku minn persuni li l-iskop tagħhom żgur mhuwiex li jħarsu l-interessi ta’ familthom.
Qalet ukoll li l-leaks mill-Korp tal-Pulizija, l-istejjer ivvintati u minfuħa li nkitbu u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru kellhom biss l-intenzjoni li jweġġgħu u kienu ta’ ħsara kbira kemm għalihom kif ukoll għat-tliet ulied tagħhom li huma minorenni.
Fid-dikjarazzjoni hija spjegat li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġi rrappurtat mill-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista, it-talba tagħha ma kinitx tikkonsisti minn maħfra għaliex fil-verità l-problemi ta’ bejniethom mhumiex ta’ natura kriminali iżda ta’ natura familjari kaġun tal-istress qawwi li kienu ilhom għaddejjin minnu minħabba l-involviment ta’ Robert Aquilina fil-ħajja pubblika.
Għaldaqstant, fl-aħħar ta’ din id-dikjarazzjoni hija sostniet li mhux se tkun parteċipi fl-ebda persekuzzjoni kontra żewġha.
Minn naħa tiegħu, f’digriet tal-Qorti li ppubblika n-Nutar Robert Aquilina juri iswed fuq l-abjad li martu rrinunzjat il-proċeduri u ma kinitx maħfra bħalma ġie rrappurtat mill-media Laburista. Apparti minn hekk, jidher ukoll li matul ix-xhieda tagħha Jeanatte Aquilina qalet diskors simili ta’ dak li ġie ppubblikat fid-dikjarazzjoni tagħha.
Matul ix-xhieda saqsewha kif inhi r-relazzjoni ta’ żewġha ma’ uliedha – relazzjoni li hija ddeskriviet bħala waħda eċċellenti. Dan filwaqt li Robert Aquilina sostna li bħalma qalet martu huma se jibqgħu jaħdmu fuq iż-żwieġ tagħhom għall-ġid ta’ uliedhom u tagħhom it-tnejn.
//= $special ?>