Lokali

L-iżviluppaturi qed jgħidu li l-binja f’Paceville ma kkrollatx minħabba x-xogħlijiet li qed isiru

L-iżviluppaturi tas-sit illi biswit tiegħu krollat binja f’Paceville, qed jinsistu li l-bini ma ġġarrafx minħabba xogħol li kien qed isir minnhom.

Il-kumpanija Excel Trading fi stqarrija preċiżat li x-xogħol ta’ twaqqigħ fis-sit tagħhom (fejn kien hemm l-istabbiliment The Avenue) kien lest fis-7 ta’ Mejju.

Fl-istess stqarrija, intqal li fl-aħħar jiem, il-Perit appuntat mill-iżviluppaturi – Glenn Zammit – innota difetti fil-binja biswit is-sit. U minn nhar it-Tnejn, inħarġet stop notice għax-xogħol.

L-iżviluppaturi qalu li l-binja Tania Flats kellha problemi strutturali li kienu ilhom hemm. U allura, intlaħaq qbil mas-sidien ta’ dawn l-appartamenti biex jibdew xogħlijiet ta’ tiswija urġenti.

Imbagħad, l-Erbgħa stess ittieħdet id-deċiżjoni li kulħadd kellu jiġi evakwat. U 32 resident ġew ordanti joħorġu mill-appartamenti.