Is-Sibt li ġej se tittella’ t-tielet edizzjoni tal-attività Sqaqien f’Tas-Sliema.
Din l-attività għandha l-għan li tagħti ħajja lill-isqaqien Slimiżi permezz ta’ attivitajiet kulturali u tradizzjonali.
L-attività se tibda mis-6pm ’il quddiem fi Sqaq Sant’Elija u Triq San Trofimu, u fiha se jipparteċipaw il-baned Slimiżi flimkien. Fil-fatt se jkunu erbgħa l-baned li se jingħaqdu għall-attività; is-Soċjetà Mużikali San Girgor, is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris, is-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu tal-Balluta u s-Soċjetà Filarmonika Sliema.
F’din il-lejla folkloristika Slimiża, se jkun hemm artiġjanat Malti, żfin, diversi kantanti stabbiliti kif ukoll il-grupp Kantera. Se jkun qed jispikka wkoll it-tieġ tradizzjonali Malti.
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow, sostna li din l-attività qed issir permezz tal-għajnuna tal-Kunsilli. U qal li permezz ta’ din l-attività, is-Sibt filgħaxija Tas-Sliema se tmur lura fis-snin, u l-ħajja folkloristika tal-imgħoddi se terġa’ tispikka f’din il-lokalità.

