Il-koalizzjoni Manoel Island: Post Għalina qed issegwi l-aħbarijiet dwar Manoel Island b’sodisfazzjon. Il-kampanja ilha tħeġġeġ għal negozjar mill-ġdid tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-MIDI, ibbażat fuq klawżoli kuntrattwali, sabiex Manoel Island terġa’ tingħata lura lill-pubbliku bħala park. Illum, bħala riżultat tal-kampanja tagħhom u r-rikonoxximent pubbliku li kisbet, kemm il-Gvern kif ukoll il-MIDI ammettew li dan huwa l-aħjar pass li jista’ jittieħed.
B’aktar minn 29,000 firma, il-petizzjoni tagħhom ħolqot diskussjoni nazzjonali li wriet il-kunsens fis-soċjetà tagħna dwar il-ħtieġa ta’ park nazzjonali fil-qalba tal-inħawi ta’ Marsamxett. Ħarġu fil-beraħ il-klawżoli tal-kuntratt tal-konċessjoni, b’mod partikulari dawk li jżommu lill-MIDI responsabbli u li jagħtu vantaġġ lill-Gvern biex jinnegozja favur l-interess pubbliku. Il-kampanja tagħhom kisbet appoġġ minn politiċi minn kull parti tal-ispettru politiku, u huma sodisfatti li dan qed iwassal għal azzjoni konkreta.
Huma qed jingħaqdu mal-pubbliku biex jiċċelebraw l-iżviluppi s’issa. Din hija l-qawwa tal-azzjoni kollettiva. Qed jappellaw lil dawk kollha li kienu qalbhom maqtugħa u laqgħuhom b’ċertu rassenjazzjoni imma li xorta ffirmaw il-petizzjoni biex jiftakru f’dan il-mument u jħossuhom imsaħħa fil-futur. In-nuqqas ta’ azzjoni qatt ma wasslet għal bidla. Il-mewġa ta’ bidla li raw f’dawn l-aħħar jiem hija frott snin ta’ attiviżmu u xhur ta’ kampanja li fiha l-pubbliku kellu rwol ewlieni, organizzata u mmexxija minn ftit ċittadini ordinarji.
Il-kampanja ttenni li se tibqa’ attenta u preżenti għall-passi li ġejjin. Issa li r-rota bdiet iddur biex Manoel Island terġa’ tkun tal-pubbliku, qed jerġgħu jfakkru li l-park propost għandu jkun immexxi minn entitajiet kompetenti ambjentali u kulturali, inkluż NGOs, kif ġie suġġerit mill-gruppi ambjentali ewlenin ta’ Malta. Ittra miftuħa ffirmata minn akkademiċi u professjonisti tenfasizza kif Malta tinsab f’zona ta’ bijodiversità kbira, iżda qed taffaċċja wkoll kriżijiet klimatiċi u ekoloġiċi serji. Għalhekk, dawn l-esperti jingħaqdu magħhom biex jippromwovu l-preservazzjoni u r-restawr ta’ zoni ħodor bi flora indiġena li tmantni l-bijodiversità urbana, kruċjali għar-reżiljenza klimatika u l-benesseri tal-komunità.
It-teżori ta’ wirt nazzjonali fuq Manoel Island għandhom jiġu restawrati bżonnijiet tal-komunitajiet lokali. Dawn il-komunitajiet għandhom jiġu kkonsultati u involuti tul il-proċess kollu tal-ippjanar. B’sodisfazzjon ngħidu li d-daqs ta’ Manoel Island u l-varjetà ta’ bini storiku preżenti jistgħu jakkomodaw spazji għal diversi komunitajiet, inkluż grawnd tal-futbol għall-klabb tal-Gżira, waqt li xorta jinżamm spazju konsiderevoli bħala ħabitat naturali selvaġġ. Il-binjiet storiċi għandhom jiġu rrestawrati għall-użu komunitarju, għall-arti u l-kultura, għar-rikreazzjoni, u għall-għaqda soċjali f’kuntest mhux kummerċjali u aċċessibbli għal kulħadd. Il-Lazzarett, kumpless uniku ta’ kwarantina u eżempju eċċellenti tiegħu fil-kuntest Ewropew, b’sekli ta’ storja, jista’ jilqa’ fih mużew li juri l-kisbiet mediċi ta’ Malta tul iż-żmien.
Fil-viżjoni tagħhom, Manoel Island tista’ ssir spazju għal kulħadd, li jibbenefika l-komunità lokali u nazzjonali l-ewwel u qabel kollox, waqt li toffri wkoll prodott turistiku li jirrispetta l-kuntest tiegħu. Biex dan iseħħ, it-trasformazzjoni trid issir sewwa u b’entitajiet responsabbli u professjonali. Qed jergħu jtennu li se jkomplu jippersistu biex dan iseħħ, u jistiednu lill-pubbliku biex jibqa’ magħhom.