Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, laqgħet talba għal referenza Kostituzzjonali fejn jidħlu l-iffriżar tal-assi fuq każijiet tad-droga. Dan wara rikors li sar minn Sean Gerada, ta’ 35 sena, li huwa ta’ nazzjonalità Ingliża iżda residenti f’Marsaskala.
Ftit ilu Gerada kien tressaq il-Qorti u ġie akkużat b’konspirazzjoni biex jittraffika d-droga, ħasil ta’ flus, falsifikazzjoni u frodi. Il-prosekuzzjoni kienet spjegat kif saru jafu bl-allegat għemil tar-raġel waqt li kienu qed jinvestigaw każ separat.
Huwa kien tressaq il-Qorti fis17 ta’ Mejju li għadda u fuq talba tal-prosekuzzjoni, l-assi kollha ta’ Sean Gerada u l-kumpanija Axano Pharmaceuticals Limited ġew milquta b’ordni ta’ qbid u ffriżar totali wara li din it-talba ġiet milqugħa mill-Qorti tal-Maġistrati.
Fl-istess seduta l-Avukat Stefano Filletti kien talab lill-Prosekuzzjoni tillimita t-talba tagħha u dan għaliex saru żewġ talbiet distinti fil-ħruġ ta’ ordni ta’ ffriżar. Dan peress li huma ta’ reġim legali differenti. Fejn jidħlu ordni ta’ ffriżar fuq każijiet ta’ droga, l-assi kollha jiġu ffriżati.
Dan għax l-emenda li saret dan l-aħħar fil-liġi dwar il-kwantum tal-ordni ta’ ffriżar ma tkoprix każijiet ta’ droga. Dawn il-każijiet l-assi kollha tal-akkużat jiġu ffriżati filwaqt li każijiet oħra, l-prosekuzzjoni tikkwantifika l-ammont.
F’rikors li sar minn Sean Gerada ngħad li dan mhux sew għax kull każ għandu jkun ugwali u l-ammont bħal każijiet oħra għandu jkun relat mal-każ, u mhux jiġu ffriżati l-assi kollha. L-Avukat Stefano Filletti qal li ffriżar ġenerali qed jilledi d-dritt tal-individwu.
Il-Qorti qalet li l-akkużat qed jitlob li ssir referenza Kostituzzjonali abbażi tal-Artikolu 46(3) tal-Kap 319 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabiex jiġi deċiż jekk l-ordni ta’ ffriżar taħt il-Kap 101 ta’ Malta hux qed jikser id-drittijiet tal-akkużat.
It-talba kienet li l-Qorti għandha tibgħat il-kwistjoni quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kemm-il darba fil-fehma tagħha t-tqanqil tal-kwistjoni ma tkunx sempliċiment frivola jew vessatorja. U dik il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq kull kwistjoni mibgħuta qiddiemha.
Din il-Qorti mhux imsejħa biex tiddeċiedi fuq jekk hemmx ksur ta’ drittijiet tal-akkużat hi stess u lanqas mhija kompetenti sabiex tagħmel dan. Għalhekk kulma trid tagħmel din il-Qorti hu li tiddetermina jekk fil-fehma tagħha tali talba hijix frivola jew vessatorja (bla bażi). Jekk iva, allura għandha tiċħad it-talba tal-akkużat.
Madankollu, jekk il-Qorti temmen li prima facie t-talba mhux waħda frivola jew vessatorja, allura għandha taċċetta t-talba tal-akkużat u susegwentement tordna referenza Kostituzzjonali. Il-Qorti qalet li invista tal-possibblità ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, din il-Qorti ma jidhriliex li t-talba tar-rikorrenti hija frivola jew vessatorja.
Għalhekk bagħtet l-atti proċesswali quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni u għalhekk laqgħet it-talba għal referenza Kostituzzjonali, u ddeferiet il-proċeduri sine die sakemm ikun hemm deċiżjoni finali mill-Qrati Kostituzzjonali.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Alessia Schembri u Yvette Borg Cardona u l-Ispetturi Clive Abela u Keith Caruana Darmanin. L-avukat difensur Stefano Filletti rrappreżenta lill-akkużat.
//= $special ?>