Is-sitt kwalifikazzjoni konsekuttiva għall-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Belgrad f’Jannar li ġej reġgħet poġġiet isem il-waterpolo lokali fl-aħbarijiet għal raġunijiet pożittivi għal darba oħra. It-tim nazzjonali Malti spiċċa fit-tieni post fi Grupp D wara rebħiet kontra l-Ukrajna u l-Portugall (li kienu biżżejjed għall-kwalifikazzjoni) u telfa bil-penalties kontra Franza.
Wieħed mill-protagonisti għal dan is-suċċess hu l-President tal-ASA Karl Izzo. F’kummenti ma’ dan is-sit Izzo fisser il-kwalifikazzjoni bħala riżultat li jagħmlu kuntent u kburi. “Tikkwalifika għal sitt darbiet hi kisba kbira speċjalment għal pajjiż bħal Malta. B’dawn il-kwalifikazzjonijiet qed nagħmlu isimna iktar b’saħħtu fil-waterpolo Ewropew u dinji.”
Il-President tal-ASA kompla li l-inklużjoni tal-veterani Stevie Camilleri u Matthew Zammit kienet deċiżjoni determinanti għal dan ir-riżultat. Hu stqarr li l-grupp kien diffiċli hekk kif minbarra l-qawwa ta’ Franza, l-Ukrajna u l-Portugall jinsabu fl-istess livell.
“Kontra l-Ukrajna bdejna tajjeb, morna minn taħt f’mumenti kruċjali imma konna mentalment b’saħħitna biex irkuprajna. Kontra l-Portugall il-plejers baqgħu kompatti u magħqudin u wrejna li nistgħu nilagħbu waterpolo ta’ livell. Il-logħba kontra Franza kienet waħda mill-aqwa logħbiet li qatt kellu t-tim nazzjonali.”
L-attenzjoni ddur fuq il-poloz tal-Kampjonat Ewropew fit-13 ta’ Settembru biex ikunu magħrufa l-avversarji ta’ Malta fil-fażi tal-gruppi. Karl Izzo qal li “nixtieq intejbu l-aħjar pożizzjoni li ksibna li kien l-14-il post fi Split fl-2022. Nixtieq jekk naspiraw għal post mal-aqwa 12 u konvint li bit-tim li għandna nistgħu naslu bi programmazzjoni tajba. Dan wieħed mill-aqwa timijiet tan-nazzjonal li qatt kellna,” saħaq il-President tal-ASA.
//= $special ?>