minn Gloria Aquilina
Kunsilliera PN
Kunsill Lokali Marsa
Għaddiet sena minn meta r-residenti tal-Marsa f’dawni bil-fiduċja tagħhom biex nirrapreżentahom fil-Kunsill Lokali. Din kienet sena ta’ sfidi u tagħlim kontinwu. Sena fejn smajt mill-qrib il-problemi tan-nies u bqajt dejjem niffoka fuq kif nista’ nkun ta’ servizz konkret.
Il-mixja tiegħi fil-politika lokali ma kinitx faċli. Tul il-kampanja u wara, sibt min ipprova jnaqqas mill-ħidma tiegħi jew jiddubita l-intenzjonijiet tiegħi, anke minn politiċi stess.
Iżda għax kont ċerta minn dak li rrid nagħmel, ma ħallejt lil ħadd jaqtagħli qalbi.
Matul din is-sena, iltqajt ma’ diversi residenti u smajt problemi li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum, mill-ambjent sal-ġbir tal-iskart, mit-traffiku għall-problemi soċjali.
Smajt u ħadt nota, għax nemmen li l-ewwel pass għal politika vera huwa li tisma’ lil min qed isofri.
Il-politika bħala mezz ta’ servizz
Uħud jgħidu li ġejt eletta kunsilliera għax jien mara. Imbagħad fl-istess nifs jgħidu li m’hemmx differenza bejn raġel u mara fil-politika. Din l-ipokresija turi kemm għad fadal triq twila quddiemna biex il-mara tkun verament meqjusa bħala parteċipant sħiħa fil-ħajja pubblika.
Il-verità hi li hemm ostakli kbar għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Mhux għax m’għandhomx il-ħila, iżda għax ħafna drabi jkollhom jerfgħu aktar responsabbiltajiet fid-dar u fil-familja.
Għalhekk, iva, il-Gvern għandu jagħmel aktar biex jiffaċilità l-involviment tan-nisa, mhux billi jipprivileġġahom, imma billi jneħħi l-ostakli prattiċi li jxekkluhom.
Fil-Kunsill Lokali tal-Marsa, jien l-unika mara. S’issa dejjem sibt rispett u koperazzjoni minn sħabi kunsilliera.
Imma ma nistax ma nsemmix l-inġustizzja li għaddiet minnha Helen Gauci f’Ħal Għargħur. Sindku li ġiet eletta mill-poplu, iżda mġiegħla tirtira mill-kariga b’mod inaċċettabbli mill-Gvern Laburista. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif kultant, flok nilqgħu l-kontribut tan-nisa b’mod demokratiku, inxekkluh billi npoġġu persuni li ma jimmerithomx dik il-kariga.
Imbagħad niftaħru bil-meritokrazija!
Importanti wkoll li nieqfu nippuntaw subajna lejn xulxin. L-ewwel u qabel kollox irridu nistaqsu lilna nfusna: jien x’qiegħed nagħmel għal-lokalita tiegħi? X’nista’ nagħmel aktar għal-lokalità tiegħi u għall-partit li nirraopreżenta?
Użu intelliġenti tad-dritt tal-vot
Iżda fuq kollox il-votant Malti għandu jkun aktar għaqli kif jivvota u lil min għandu jafda l-vot tiegħu, għal Malta aħjar. Dawn l-aħħar tnax-il sena kienu eżempju ċar ta’ kif il-governanza f’Malta ġiet imkażbra u mormija minn Gvern dilettant u qarrieq.
Dħalt fil-politika għax nemmen fil-potenzjal tal-Kunsilli Lokali li jkunu vuċi vera għar-residenti. U għax nemmen fil-Partit Nazzjonalista, partit li qed jaħdem biex jagħti aktar spazju u valur lill-kontribut tan-nisa fil-politika nazzjonali u lokali.
Sena wara, għad fadal ħafna x’nitgħallem u x’nagħmel. Imma l-pass ’il quddiem huwa ċar. Aktar trasparenza, aktar parteċipazzjoni, u aktar rispett lejn kulħadd, irrispettivament mis-sess, l-età jew il-kulur politiku.
Għax is-servizz pubbliku hu msawwar mill-kwalità tal-ħidma, mhux mill-isterjotipi.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>