minn Angelo Micallef
Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-PN għandu ħafna x’joffri lil pajjiżna. Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-PN huwa mimli potenzjal għal pajjiżna
Huwa mingħajr ebda dubju ta’ xejn li dawn l-aħħar ftit ġranet jistgħu biss jiġu deskritti bħala diffiċli għal kull min hu attivist tal-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultat tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika maħruġ mill-Malta Today ta stampa xejn feliċi u li titfa’ lill-PN fi żvantaġġ notevoli fil-konfront tal-Partit Laburista. Anki jekk forsi wieħed jista’ jiddibatti n-numri u l-eżattezza taċ-ċifri, huwa ċar kristall li l-Partit Nazzjonalista jinstab fi żvantaġġ fil-konfront tal-Partit Laburista u fi żvantaġġ li jagħti lill-Partit Laburista lok għal ċertu sens ta’ ottimiżmu elettorali.
Ikun faċli f’din il-klima li ninfexxu nippuntaw is-swaba u nwaħħlu f’dak u fl-ieħor. Ikun faċli li nħallu s-sens ta’ diżappunt jaħkimna u li nsiru distruttivi bi kliemna jew għemilna. Imma tali aġir iwassal biss biex l-isfidi tal-Partit Nazzjonalista jikbru minflok jiċkienu. Iwassal biss biex il-kisbiet li saru s’issa nkunu qegħdin nissograw li jintilfu wkoll.
Tkun ingratitudni monumentali jekk wieħed ma jgħidx grazzi lil Bernard Grech li tul l-aħħar snin ta l-enerġija sħiħa tiegħu b’risq il-Partit Nazzjonalista. Grazzi talli wettaq id-dmirijiet tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u talli mexa b’sens ta’ integrità u rġulija. Żgur mhux forsi li kulħadd xtaq li l-vjaġġ politiku ta’ Bernard Grech intemm mod ieħor imma kif darba stqarr tant tajjeb l-Eks Prim Ministru Ingliż John Major, “politics is a rough old trade”. L-istorja tal-Partit Nazzjonalista għad trid tħares lura lejn il-vjaġġ politiku ta’ Bernard Grech b’sens ta’ gratitudni; l-istess bħalma għad trid tagħmel fuq il-vjaġġ politiku ta’ Adrian Delia u Simon Busuttil.
Il-PN għandu ħafna x’joffri lil pajjiżna
Fid-diskors iebes li wassal din il-ġimgħa, Bernard Grech tkellem dwar il-ħtieġa li bħala partit nibdew kapitlu ġdid. Pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu u li joffri tassew sfida elettorali denja lill-Partit Laburista.
F’termini ta’ elezzjonijiet ġenerali, il-Partit Nazzjonalista safa megħlub b’39,474 vot fl-2022, 35,280 vot fl-2017, 35,107 fl-2013 u rebaħ b’vantaġġ minimu ta’ 1,580 vot fl-2008. F’termini ta’ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista safa megħlub bi 8,454 vot fl-2022, b’42,656 vot fl-2019, b’33,677 vot fl-2014, b’35,431 vot fl-2009 u b’21,295 vot fl-2004.
Insemmi r-riżultati mhux biex niftaħ feriti antiki imma biex jidher ċar li l-partit li lkoll tant inħobbu għandu sfidi li ilhom żmien iżommuh lura u li jeħtieġ li llum qabel għada jiġu identifikati u risolti.
Pajjiżna ma jistax jibqa’ fi stat fejn l-eventwalità ta’ rebħa elettorali Laburista ttieħed bħala xi ħaġa kważi ‘for granted’. Pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista jixraqlu sitwazzjoni ta’ demokrazija kompetittiva fejn l-eżitu finali ta’ elezzjoni ma’ jista’ qatt ikun xi ħaġa ta’ ċertezza jew kważi ċertezza. Huwa faċli li nipprovaw inkunu simplistiċi jew li nipprovaw inwaħħlu f’dak jew l-ieħor jew f’xi kawża jew fattur wieħed.
Ir-realtà hija madankollu li l-katina ta’ riżultati msemmija hawn fuq jippontaw lejn il-bżonn ta’ analiżi ferm aktar wiesgħa u ferm aktar profonda minn hekk.
Naturalment tali analiżi mhix xi ħaġa li tagħmel ‘overnight’ jew fuq xi ‘thread’ ta’ Facebook jew f’jum meta forsi l-emozzjonijiet ikunu aktar b’saħħithom mil-loġika. Tali analiżi trid proċess strutturat, oġġettiv u fi klima ta’ loġika ċara.
Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna x’joffri lil pajjiżna. Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-Partit Nazzjonalista huwa mimli potenzjal għal pajjiżna. Madankollu huwa ċar li fil-preżent il-poplu għadu mhux jara lill-Partit Nazzjonalista mill-istess lenti u ilu ma’ jara lill-Partit Nazzjonalista minn dik il-lenti għal tul ta’ żmien.
Huwa ċar li jeħtieġ li nifhmu għaliex u aktar minn hekk li nibdew bil-ħidma biex il-messaġġ tagħna jibda jasal u biex il-Partit Nazzjonalista jibda mill-ġdid jidħol fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin. Ġejjin jiem ta’ sfida. Sfida biex insibu Kap ġdid, sfida biex nibdew nifhmu tassew xi jrid mill-Partit Nazzjonalista l-poplu Malti, u biex nerġgħu nsiru l-partit li xi darba konna; il-partit li l-viżjoni tiegħu hija l-viżjoni tal-poplu Malti; il-partit fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin. Sfida biex nerġgħu mill-ġdid insiru forza politika li toffri sfida denja lill-Partit Laburista. Din hija ħidma li se tkun trid sforz kollettiv; magħqudin bħala tim wieħed, magħqudin bħala l-familja Nazzjonalista. Pajjiżna qed isejħilna, jeħtieġ li llum qabel għada nwieġbu s-sejħa.
Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-PN għandu ħafna x’joffri lil pajjiżna. Kont nemmen, għadni nemmen u nibqa’ nemmen li l-PN huwa mimli potenzjal għal pajjiżna
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>