minn Mark A. Sammut Sassi
Id-dinja bħalissa daħlet f’mument ta’ tranżizzjoni. Ejja nitfgħu din-naħa tad-dinja – li aħna ninsabu fiha – taħt il-lenti.
Malta tinsab fit-tarf nett tal-Ewropa. Tiġik it-tentazzjoni tgħid li tinsab fuq il-fruntiera bejn l-Ordni u l-Kaos… l-Ordni fl-Ewropa, il-Kaos fl-Afrika. Iżda r-realtà ġeopolitika hi differenti. Il-Kaos mhux biss fin-nofsinhar ta’ pajjiżna qiegħed, imma wkoll fil-grigal.
L-Ewropa tal-Lvant
Għadha ma sabitx saqajha, minkejja li għaddew aktar minn 30 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Ma sabitx saqajha kemm minħabba fit-tensjonijiet mar-Russja, kemm minħabba li l-Ewropa tal-Lvant ma taqsamx l-istess valuri mal-Ewropa tal-Punent. Minkejja li maġġoranza kbira tal-pajjiżi Ewropej tal-Lvant daħlu fl-Unjoni Ewropea, aktar minn 20 sena ilu, xorta dal-pajjiżi baqgħu kulturalment differenti minn tal-Punent.
Hemm bosta raġunijiet għal dan. Il-ħakma Komunista li damet 50 sena hi waħda minnhom. Imma wkoll għax saħansitra qabel il-bidu tal-ħakma Komunista, l-Ewropa tal-Lvant kienet profondament differenti minn dik tal-Punent. L-akbar differenza hi l-iżbokk għall-Oċean. Il-fatt li l-potenzi tal-Punent għandhom aċċess dirett għall-Oċean – u allura għall-kummerċ dinji – ta spinta lill-Punent li l-Lvant lanqas biss seta’ joħlomha. Il-kummerċ dinji ġab lill-Punent flus u ġid kbar imma wkoll avvanzi kulturali u filosofiċi, li l-Lvant qatt ma xammhom aħseb u ara kemm daqhom.
Dan kollu seħħ fid-dell tal-ambizzjonijiet imperjalisti tar-Russja, l-ewwel fil-forma Zarista tagħha, imbagħad bħala l-pajjiż fit-tmexxija tal-Unjoni Sovjetika, u issa fil-forma neo-Zarista Putinjana tagħha. L-istorja u l-ġeografija sawru l-viżjoni tad-dinja tal-Ewropa tal-Lvant, imma wkoll kienu l-martell u l-inkwina li taw sura lill-instabilità perpetwa (inkluż l-element tal-faqar) ta’ dik in-naħa tal-Ewropa. Ma’ dil-instabilità fil-grigal tagħna rridu nżidu l-instabilità fin-nofsinhar.
L-Afrika
Dan hu kontinent żagħżugħ u mfawwar bir-riżorsi naturali. Iżda huwa wkoll kontinent diżastrat, kaotiku, u mingħajr strutturi li jistgħu b’xi mod inisslu fih l-istabilità.
L-Afrika ta’ Fuq hi magħmula minn pajjiżi mmexxijin mill-barracks u mhux mill-parlamenti. Il-bqija tal-Afrika hi territorju bla tmiem fejn ma hemmx stati veri. Mingħajr stati veri – bħalma hemm fl-Ewropa tal-Punent – ma jistax ikun hemm stabilità politika u mingħajr stabilità politika ma jistax ikun hemm tkabbir ekonomiku.
Minkejja dal-kaos – jew forsi proprju minħabba fih! – il-popolazzjoni tal-Afrika qegħda tikber b’rata tal-għaġeb. Iżda jikber il-għadd ta’ nies u ma jikbrux l-opportunitajiet għalihom. Bilfors, allura, l-Afrikani jittantaw xortihom fl-Ewropa (dik tal-Punent). Li min-naħa tagħha fl-Afrikani tara l-possibilità ta’ soluzzjoni għal waħda mill-aktar problemi importanti li għandha: dik demografika.
L-Ewropa tal-Punent
Il-ġid kbir li akkumulat l-Ewropa tal-Punent, b’riħet ir-Rivoluzzjoni Industrijali u l-imperi kolonjali – wassal mhux biss għal kisbiet kulturali kbar imma wkoll għal filosofija li, ironikament u paradossalment, trid li l-popolazzjoni ma tissoktax tikber. Il-ġid materjali tal-Ewropej tal-Punent wassal biex jiġu normalizzati l-abort u prattiki oħrajn li jmewtu l-aptit għall-għemil tal-ulied.
Naturalment, dan wassal biex jonqos il-għadd ta’ nies li jistgħu jaħdmu – mhux għax ma jridux imma sempliċement għax ma jeżistux. Min qatt ma twieled ma jistax jaħdem. Iżda x-xogħol hemm għadu u jrid isir. Il-problema demografika wasslet għal problemi ekonomiċi li s-soluzzjoni tagħhom hi l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin mill-Afrika (u mill-Asja).
Din l-importazzjoni, iżda, issa wasslet biex il-popolazzjonijiet Ewropej iddejqu bit-taħlit bejn il-popli u tħajru jagħtu l-opportunità lil-Lemin Estrem jipprova s-soluzzjonijiet tiegħu.
Malta
F’dal-baħar imqalleb għaddej il-ġifen tal-Istat Malti. L-imwieġ ta’ dal-baħar huma r-residwi tal-individwaliżmu sfrenat tas-seklu 19 u r-rinaxximent tal-liberaliżmu imperjalista ta’ dak l-istess seklu. Bi skerz tal-istorja, is-seklu 19 – li donnu l-evoluzzjoni tiegħu kienet waqfet fis-seklu 20, mal-waqgħa tar-reġimi ta’ Hitler u Mussolini – issa kompla jterraq it-triq evoluttiva tiegħu fis-seklu 21.
Tant il-ħeġġa għall-imperjaliżmu (it-tewmi tal-liberaliżmu) qed tinħass li f’April 2019, il-mexxej tal-Liberali u d-Demokratiċi Ewropej Guy Verhofstadt argumenta li “l-ordni dinji ta’ għada mhux imsejjes fuq l-istati nazzjon jew il-pajjiż … Hu ordni dinji msejjes fuq l-imperi”.
L-Imperi
Ix-xahar ta’ wara, Verhofstadt żied: “Ejja noħolqu Unjoni Ewropea ta’ difiża. … Ejja nsiru imperu … Imperu tat-tajjeb mhux tal-ħażen.”
L-ideat ta’ Verhofstadt jidwu dawk ta’ Bruno Le Maire li, sas-sena l-oħra, kien il-Ministru għall-Finanzi tal-President Franċiż Emmanuel Macron. Skont Le Maire, “L-Ewropa jeħtieġ li ssir għamla ta’ imperu bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti … l-Ewropa ma tistax aktar toqgħod lura milli tħaddem setgħetha u tkun imperu tal-paċi”.
Dal-kliem ilu jingħad is-snin. José Manuel Barroso, li kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea darba minnhom qal, “Xi kultant inħobb inqabbel lill-UE mal-organizzazzjoni ta’ imperu. Għandna d-daqs ta’ imperu.” Imbagħad iċċara li l-UE hi “l-ewwel imperu mhux-imperjali” billi l-membri tagħha għażlu li “jaqsmu bejniethom is-sovranità tagħhom.”
Fejn hi Malta f’dan kollu? Qatt ma nisma’ diskussjoni f’dal-pajjiż dwar dal-punti tant importanti. Joseph Muscat kien iħobb iħambaq dwar ir-roadmap. Aktar narana mmexxijin mill-kurrenti tal-istorja milli minn pjan preċiż ta’ fejn irridu mmorru.
Aktar u aktar, billi l-Amerika – li s’issa kienet il-qawwa “imperjali” bl-akbar impatt fuq l-Ewropa – iddeċidiet li trid lill-Ewropej jonfqu aktar għad-difiża tagħhom. Hu interessanti li dak li fil-wiċċ jidher bħallikieku xi kapriċċ ta’ Trump, meta wieħed ifannad ftit taħt il-wiċċ isib li ilhom is-snin ċerti esponenti Ewropej jgħidu proprju l-istess diskors. Il-mument ta’ bħalissa qed jara lil Franza tħejji għal Ewropa ġdida post-Amerikana.
Malta fejn tinsab?
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>