Lokali

“Se nibqa’ ngħin fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista” – Bernard Grech

“Se nibqa’ ngħin fil-ħidma kif ukoll inkun ta’ appoġġ għall-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Dan kollu se nagħmlu fl-interess nazzjonali.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività soċjali li saret il-Ħamis filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista – attività fejn matulha dawk preżenti tawh merħba mill-isbaħ.

Infatti, dawk li tkellmu ma’ Bernard Grech irringrazzjawh għall-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin.

F’diskors li wassal waqt l-attività soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fuq il-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar snin fejn fakkar li fl-elezzjonijiet li saru s-sena li għaddiet id-distakk kien naqas b’mod sostanzjali. Dan apparti li l-PN żied siġġu fil-Parlament Ewropew, u rebaħ lura numru ta’ Kunsilli Lokali.

Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li se jibqa’ jkun ta’ appoġġ għall-Kap li jmiss u se jibqa’ jgħin lill-Partit Nazzjonalista b’kull mod possibbli. Huwa qal li se jagħmel dan fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Hu qal li d-deċiżjoni li ħa din il-ġimgħa ħadha b’responsabbiltà u bit-tama li min ġej warajh iwassal lill-Partit Nazzjonalista għal rebħa fl-elezzjoni li jmiss.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk preżenti tal-appoġġ li wrewh matul it-tmexxija tiegħu filwaqt li ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jibqgħu jagħtu sostenn sħiħ lill-Partit Nazzjonalista – ħalli pajjiżna fiż-żmien li ġej ikollu l-Gvern li jixraqlu.