Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li ta n-nar lil numru ta’ għelieqi f’Wied is-Sewda fl-istess lokalità fejn huwa jgħix. Sebastian Chircop instab ħati mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, li fit-18, 19 u 29 ta’ Ġunju 2023 ta n-nar lil dawn l-għelieqi kif ukoll li għarraq ħwejjeġ ħaddieħor.
Il-Pulizija solviet il-każ wara li rċeviet rapport dwar il-ħruq fl-għelieqi. Hija bdiet tinvestiga u rat filmat li fih tidher persuna bir-rota tqabbad in-nar. Il-Pulizija identifikat lil Chircop u bagħtet għalih biex tinterrogah fejn ammetta u qal li ħass li kellu jagħmel hekk waqt li spjega kif kif ta n-nar bil-lighter.
Tenna li ma ħasibx dwar l-ispejjeż li seta’ jikkawża lis-sidien u li ma ħassx pjaċir jara n-nar jaqbad. Mill-provi rriżulta li l-għelieqi kienu jinħadmu b’waħda minnhom deher ħaxix maqtugħ u balal tat-tiben b’paletti tal-injam ħdejhom li rriżulta li kienu huma li qabdu l-ewwel.
Sid ta’ għalqa xehed li kellu t-tiben għaż-żwiemel waqt li ieħor tilef il-qamħ li kien lest għall-ħsad u qamħ ieħor li kien ippakkjat kif ukoll siġar tal-frott, żebbuġ u dwieli. Xehed ukoll psikjatra li qal li ż-żagħżugħ ibati minn dik li tissejjaħ ‘obsessive compulsive disorder u impulse control disorder’.
Wara li semgħat il-provi l-Qorti sabet lill-akkużat ħati li ta n-nar lill-għelieqi imma mhux meta kien hemm persuni ġewwa. Fil-kunsiderazzjoni dwar il-piena qieset, fost oħrajn, il-kondotta netta tiegħu u l-età żgħira u minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża ordnatlu biex fi żmien sitt xhur iħallas €2,058 lil sid tal-għalqa u €920 lil sid ieħor tal-ħsara li kkaġunalhom.
//= $special ?>