Raġel intbagħat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li ħebb għal żewġ pulizija u li saq taħt l-effett tal-alkoħol. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat din is-sentenza fil-konfront ta’ James Scerri li kien ammetta li, fil-lejl tas-16 ta’ Frar, 2025, attakka u rreżista bi vjolenza żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat ukoll il-multa ta’ €4,850 li huwa kien ingħata mill-ewwel Qorti. Scerri appella mill-piena minħabba li huwa ħass li kienet waħda eċċessiva. Huwa kien akkużat li heddidhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u li weġġagħhom ħafif.
Ma’ dan, ir-raġel kien mixli li m’obdiex lill-pulizija u li kiser il-paċi pubblika. B’kollox huwa ġie mixli b’14-il akkuża fosthom li saq waqt li kien taħt l-effett tal-alkoħol u li saq perikoluż. Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-akkużat kien ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Meta ġiet għall-piena, il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu, li kkopera matul l-investigazzjoni u li għandu fedina penali nadifa. Minkejja dan, hija qieset l-għemil vjolenti tal-imputat fil-konfront ta’ pulizija u li reżista żewġ uffiċjali tal-pulizija.
Il-Qorti qalet li għandha dmir li bis-sentenzi tagħha turi li l-vjolenza fuq il-pulizija la hi tollerata u lanqas skużata. Jirriżulta li matul il-lejl tas-16 ta’ Frar 2025 għall-ħabta ta’ 10.15pm daħal rapport anonimu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra, li kien seħħ inċident fejn vettura daħlet fis-central strip.
Ftit wara, gwardjan lokali għamel kuntatt mal-Għassa fejn irrapporta l-istess inċident, biss però dan sab vettura. Minn investigazzjoni li saret il-Pulizija sabu li l-vettura kienet irreġistrata f’isem Scerri. Ftit wara l-Pulizija tal-RIU waqqfu vettura ħdejn il-knisja ta’ Burmarrad li sa dak il-mument kienet suspettata li setgħet kienet involuta fl-inċident inkwistjoni.
Il-Pulizija tad-distrett marru fuq il-post fejn kien hemm l-akkużat li sadanittant kien ġie immanettjat mill-kollegi tagħhom tal-RIU. Irriżulta li meta twaqqaf mill-Pulizija dawn ippruvaw joħdulu ċ-ċavetta tal-vettura iżda hu rreaġixxa b’ċertu vjolenza fejn saħansitra qabad il-parti intima ta’ wieħed mill-Pulizija. Minħabba li l-appellant kellu riħa ta’ alkoħol, ġie deċiż li jitolbuh jagħmel it-test tan-nifs. Għal dan il-għan huwa ttieħed l-Għassa tad-distrett.
L-Uffiċjal tal-Probation Glen Grixti kien irrakkomanda ordni ta’ probation fil-massimu tagħha, inkluż trattament terapewtiku sabiex jindirizza d-diffikultajiet personali tiegħu. Fil-pre-sentencing report li ppreżenta, l-Uffiċjal tal-Probation spjega li l-akkużat kien għadda minn perjodu diffiċli, fosthom minħabba sitwazzjonijiet relatati mal-familja, speċjalment peress li t-tifla tiegħu kienet sejra weekend possibbilment mal-boyfriend tagħha f’jum San Valentinu — fatt li skont l-informazzjoni, kien ikkawżalu emozzjonijiet intensi.
Madankollu, il-Qorti osservat li minkejja dawn iċ-ċirkostanzi u l-pariri tat-tobba, Scerri xorta waħda għażel li jfittex is-serħan fix-xorb, u saħansitra ommu kienet iddikjarat mal-Uffiċjal tal-Probation li f’dan il-każ, binha kkonsma ammonti sostanzjali ta’ alkoħol bħala forma ta’ vendikazzjoni għas-sitwazzjoni li kien għaddej minnha.
Il-Qorti saħqet li minkejja li tistà tifhem id-diffikultajiet tiegħu, dan ma jiġġustifikax il-kondotta tiegħu. Fil-fatt, il-Qorti qalet li l-unika “vendikazzjoni” li għamel kienet lejh lilu nnifsu u li bħala missier għandu jkun ta’ eżempju għat-tifla tiegħu billi jindirizza ħajtu b’mod korrett.
Wara li analizzat il-fatti kollha, il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx ir-rakkomandazzjoni tal-Uffiċjal tal-Probation, u kkonfermat is-sentenza ta’ sitt xhur priġunerija li kienet ingħatat mill-ewwel Qorti. Il-Qorti saħqet li din il-piena taqa’ sewwa fil-limiti tal-liġi, hija proporzjonata u ma hemm xejn li għandu jiġi ċensurat fiha. Għaldaqstant, l-appell tal-imputat ġie miċħud.
//= $special ?>