F’dawn il-jiem madwar id-dinja u l-kontinenti kollha tad-dinja, kellna t-tkomplija tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja li se ssir is-sena d-dieħla, fi tliet pajjiżi.
L-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada se jorganizzaw din l-edizzjoni flimkien, b’hekk dawn it-tlieta kienu awtomatikament l-ewwel tliet pajjiżi li bħala l-pajjiżi organizzaturi, qatgħu passaġġ għat-23 edizzjoni ta’ din l-akbar kompetizzjoni dinija fil-futbol.
L-edizzjoni li jmiss se tkun waħda speċjali għaliex se tkun qed tara żieda fl-ammont tal-pajjiżi finalisti għal 48 tim nazzjonali li jirrapreżentaw kull kontinent dinji.
B’hekk taqta’ barra l-pajjiżi organizzaturi, l-ammont ta’ pajjiżi li se jkunu qed jiksbu post fil-fażi finali ta’ dan it-tournament dinji, u permezz ta’ kwalifikazzjoni huma 45 tim nazzjonali.
Tlieta u erbgħin pajjiż se jiksbu posthom permezz ta’ kwalifikazzjoni kontinentali. Tnejn oħra se jiżguraw posthom permezz tal-playoffs interkontinentali li jinkludu sitt timijiet u li huma skedati għal Marzu 2026.
S’issa l-ammont ta’ pajjiżi li diġà huma ċerti li għaddew għall-finali tat-Tazza tad-Dinja li jmiss, wara li b’mod matematiku kisbu kwalifikazzjoni, huma għaxra. Ebda minn dawn il-pajjiżi m’huma mill-Ewropa.
L-ewwel pajjiżi bdew jikkwalifikaw f’Marzu li għadda, u l-ewwel pajjiz li kiseb dan it-tragward għall-ediżżjoni tas-sena d-dieħla kienu l-Ġappun mill-kontinent tal-Asja.
Mill-istess kontinent sal-lum diġà għaddew total ta’ sitt pajjiżi. Apparti l-Ġappun, il-pajjiżi l-oħra li se jilagħbu b’ċertezza fit-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla huma l-Iran, il-Ġordan, il-Korea t’Isfel, l-Użbekistan u l-aħħar pajjiż riċenti li għamilha għall-finali minn dan il-kontinent huwa l-Awstralja.
Minn dan il-kontinent, il-postijiet vakanti ta’ kwalifikazzjoni b’mod dirett huma tnejn.
L-erba’ pajjiżi l-oħra li wkoll għandhom rashom mistrieħa mill-kwalifikazzjoni għall-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja 2026 huma n-New Zealand mill-kontinent tal-Oċeanja, u l-ewwel tliet pajjiżi minn total ta’ sitta li jridu jikkwalifikaw, mill-kontinent tal-Amerika t’Isfel.
Dawn huma ċ-champions tad-dinja, l-Arġentina, il-Brażil u l-Ekwador.
B’hekk, b’din il-lista aġġornata għad baqa’ 35 post vakanti minn madwar id-dinja ta’ pajjiżi li għadhom biċ-ċans li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja li se ssir fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada, u li se tkun l-akbar waħda fl-istorja ta’ dan it-tournament.
//= $special ?>