Magħruf, għalissa, li salvat persuna waħda biss minn fost il-242 li kienu fuq ajruplan Boeing tal-Air India li ġġarraf waqt li kien fi triqtu lejn Londra, il-kapitali tal-Ingilterra. It-traġedja seħħet ftit wara li l-ajruplan – Titjira AI171 – beda l-vjaġġ minn Ahmedabad, fil-Punent tal-Indja, lejn l-ajruport ta’ Gatwick.
Kelliema għal Air India, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li fuq l-ajruplan kien hemm 169 Indjan, flimkien ma’ 53 Britanniċi, seba’ Portugiżi u raġel Kanadiż. Dan waqt li qed isiru l-investigazzjonijiet dwar jekk setgħux mietu wkoll xi persuni fl-inħawi fejn iġġarraf l-ajruplan.
Intant, il-passiġġier li ngħad li salva mit-traġedja hu raġel Britanniku bl-isem Vishwash Kumar Ramesh u li d-dettalji tiegħu għadhom qed jinġabru.
L-aħħar filmati miz-zona ta’ Ahmedabad li baqgħu jiċċirkulaw fuq il-midja internazzjonali wrew ix-xeni ta’ qerda assoluta fiz-zona residenzjali li spiċċat straxxnata mill-fdalijiet tal-ajruplan.
Parti mill-ajruplan qerdet bini li kienet qed isservi bħala akkommodazzjoni għat-tobba u fejn raġel ieħor salva b’ħajtu b’miraklu meta rnexxielu jaqbeż ‘il barra minn tieqa fit-tieni sular qabel il-bini ntlaqat mill-ajruplan mal-aħħar sekondi tal-inżul u fost l-isplużjoni inevitabbli mal-impatt.
L-aħħar rapporti, sadanittant, qalu li kienu salvati ħafna mit-tobba li kienu fl-appartamenti ta’ dak il-kumpless li wkoll ġarrbu l-ħsarat. Iżda tal-anqas 50 student mediku fl-inħawi ttieħdu b’urġenza lejn l-isptar fejn qed ikunu trattati għal diversi ġrieħi serji.
Il-Ministeru Indjan għall-Affarijiet Barranin, fl-aħħar sigħat, ikkonferma ‘t-telfa ta’ għexieren ta’ kompatrijotti’ fl-inċident fost stqarrija li l-Gvern kien qed jistenna d-dettalji mingħand l-iskwadri għall-emerġenzi li waslu fuq iz-zona tat-tiġrif.
Il-Gvern Indjan, fl-istess ħin, wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-passiġġieri li kienu fuq l-ajruplan u meta fis-sigħat u l-jiem li ġejjin mistenni jirranka l-proċess għall-identifikazzjoni tal-vittmi. Proċess li se jinvolvi wkoll l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Portugall u l-Kanada.
L-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin fir-Renju Unit, organizza l-hekk imsejħa crisis teams fl-Indja u r-Renju Unit u li huma bażati f’Delhi u Londra.
Dan waqt li David Lammy, il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, qal li dawn l-iskwadri qed jaħdmu b’urġenza, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali, biex jappoġġjaw il-qraba tal-vittmi Britanniċi tal-inċident.
Il-Parlament Britanniku wkoll ħareġ messaġġ ta’ niket fost l-espressjonijiet ta’ solidarjetà mal-familji tal-vittmi kollha, waqt li r-Re Karlu u r-Reġina Camilla tal-Ingilterra ħarġu stqarrijiet ta’ simpatija lill-familji u l-ħbieb ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom fl-inċident terribbli.
Tkellem anki Narendra Modi, il-Prim Ministru tal-Indja, li qal li t-traġedja f’Ahmedabad ixxukkjat bil-kbir lill-Indjani kollha u li l-pajjiż kien qed iħejji biex josserva perjodu ta’ luttu uffiċjali.
Modi qal ukoll li qed iżomm il-kuntatti kontinwi mal-Ministri tiegħu u mal-awtoritajiet involuti fil-ħidma ta’ assistenza għan-nies kollha affettwati minn din it-traġedja.
L-investigazzjonijiet dwar it-tiġrif tat-titjira AI171 għandhom ikomplu għat-tul taż-żmien u meta l-iskwadri għall-emerġenzi qed iħejju biex jelevaw il-kaxxi s-suwed tal-ajruplan li d-data tagħhom kapaċi tiżvela l-kaġun ewlieni tat-tiġrif.
//= $special ?>