“L-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja f’Malta se jkomplu jdgħajfu s-servizzi ta’ kura paljattiva offruti, li bħalissa mhumiex biżżejjed għax hemm nuqqas ta’ diversi servizzi. Din il-proposta tal-Gvern tikkontradixxi l-isforzi li qed isiru fil-pajjiż għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. Minflok, għandu jsir aktar investiment biex tissaħħaħ”
Qalet dan stqarrija ffirmata minn 135 akkademiku tal-Università ta’ Malta, fejn huma esprimew tħassib serju dwar l-ewtanasja.
Huma spjegaw xi wħud mit-tħassib ewlieni mniżżla f’position paper b’reazzjoni għad-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat ix-xahar li għadda mill-Gvern Malti dwar l-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja assistita, fejn Fosthom qali li dak li qed jiġi propost jinkludi kemm suwiċidju assistit—fejn
il-persuna tagħmel l-att finali li jwassal għall-mewt tagħha—kif ukoll l-ewtanasja, fejn
l-att finali jitwettaq minn persuna oħra.
L-akkademiċi jargumentaw li l-introduzzjoni tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja mhijiex ġustifikata. Dan għaliex is-servizzi ta’ kura paljattiva (jiġifieri l-appoġġ mediku, emozzjonali, soċjali u spiritwali mogħti lill-pazjenti fl-aħħar ta’ ħajjithom, u lil nqrabathom) jistgħu jindirizzaw b’mod adegwat u effettiv l-uġigħ u t-tbatija meta dawn is-servizzi jkunu qed jingħataw kif meħtieġ.
Il-135 akkademiku jkomplu jishqu li l-introduzzjoni ta’ suwiċidju assistit u l-ewtanasja jpoġġu f’riskju lill-persuni vulnerabbli, partikularment dawk li jistgħu jħossuhom ta’ piż fuq ħaddieħor. Persuni b’riżorsi finanzjarji limitati u b’appoġġ soċjali inadegwat jistgħu jkunu aktar suxxettibbli li jiġu mġiegħla jagħżlu li jmutu b’dan il-mod.
B’hekk huma qalu li, l-għażla li wieħed imut tista’ ssir obbligu li wieħed imut.
Huma qed isostnu wkoll li l-introduzzjoni ta’ din il-liġi tfixkel id-dritt fundamentali għall-ħajja.
Huma qalu li skonthom għandha tingħata aktar importanza għar-rikonoxximent tad-dritt morali u legali tal-pazjenti li jirrifjutaw trattament mediku meta dan ma joffrix tama, u jiġu evitati trattamenti mediċi żejda li sempliċement iwasslu biex il-proċess tal-mewt jitwal bla bżonn.
L-akkademiċi jħeġġu li għandha ssir aktar edukazzjoni u jkun hemm linji gwida ċari dwar l-użu tassedazzjoni paljattiva (palliative sedation).
B’reazzjoni għall-argument li s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja huma espressjoni ta’ awtonomija personali, l-akkademiċi jisħqu li l-awtonomija qatt mhi assoluta – kull pesuna dejjem tagħmel parti minn xibka wiesgħa ta’ relazzjonijiet. Barra minn hekk, l-akkademiċi għandhom ukoll tħassib li d-dritt għal oġġezzjoni tal-kuxjenza se jiddgħajjef jekk il-professjonisti jkunu obbligati jirreferu lill-pazjenti għand oħrajn li lesti
jaċċettaw it-talba tagħhom għas-suwiċidju assistit jew l-ewtanasja.
Tħassib ieħor hu dwar il-proposta li l-mewt permezz tal-ewtanasja tiġi rreġistrata bħala mewt naturali, li twassal għal nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà fil-qafas leġiżlattiv.
Din il-position paper, iffirmata minn 135 akkademiku, se tiġi ppreżentata wkoll lill-Membri Parlamentari
//= $special ?>