Lokali

“Dan ix-xogħol ma missux sar issa” – Rabja fost ir-residenti u n-negozji Beltin

“Dan ix-xogħol ma missux sar issa, meta deħlin lejn is-sajf.”

“Kollox bil-maqlub – għamlu tliet xhur ikarkru. U issa ħafna għaġla. Biex aħna r-residenti nispiċċaw trattati tat-tieni klassi.”

Hekk spjegaw ma’ Net News bosta residenti u negozji fil-Belt Valletta, hekk kif għaddej xogħol infrastrutturali fi żmien fejn il-kapitali tibda tipprepara għall-perijodu importanti tas-sajf – żmien li fih in-negozji b’mod specjali, jibdew jaraw ċaqliq ekonomiku minħabba t-turizmu.

Kien għalhekk li bosta sidien ta’ negozji saħqu li jinsabu rrabjati mmens minħabba li minn tant żmien, dan ix xogħol li hu bżonjuż, qed isir fil-peak season.

Fil-fatt kemm ir-residenti, negozji, korpi kostitwiti u anke l-PN ilhom jisħqu dwar ippjanar kif suppost sabiex l-inkonvenjent li jġib miegħu x-xogħol ma jaffettwax daqstant l-għixien ta’ bosta.

Intant, apparti n-numru kbir ta’ negozji li tkellmu magħna u li saħqu kif jinsabu fil-limbu dwar meta ser jitlesta dan ix xogħol, tkellmu magħna wkoll ħafna residenti li jinsabu preokkupati immens minħabba dewmien zejjed –  li jgib miegħu bosta sfidi, fosthom ta’ aċċess.

Huma qalulna li biex joħorgu mir-residenza tagħhom spiċċaw b’riskju li jweġġgħu – dan apparti t-trabijiet li jispiċċaw jakkumulaw iktar kemm idum dan ix-xogħol – tant li xi residenti Beltin spiċċaw bi problemi respiratorji.

Kien hemm ukoll anzjani li qalulna kif spiċċaw tilfu appuntamenti l-isptar minħabba dan l-inkonvenjent – bil-qraba tagħhom qed isibuha iktar diffiċli jidħlu l-Belt minkejja li għandhom aċċess għall-parkeġġ.  

Oħrajn qalulna li l-Kunsillieri Laburista mmexxija mis-Sindku Olaf Mckay mhux qed jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet sabiex dan ix-xogħol isir fi żmien aħjar u fl-iqsar ħin possibli – b’detriment kemm fuq ir-residenti u anke fuq is-sidien tal-ħwienet.