Fl-aħħar tentattiv tagħha ta’ greenwashing, il-Federazzjoni Kaċċatur Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) f’Malta ħabbret żieda fin-numri tal-gamiema fir-rotta taċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa — u ppreżentatha bħala rkupru sinifikanti.
Madankollu, waqt li kkwotat x’sabu stati membri tal-UE, l-FKNK naqset milli ssemmi li t-Task Force tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru tal-għasafar, ġeddet ir-rakkomandazzjoni li ma ssirx kaċċa f’din ir-rotta li tagħmel parti minnha Malta.
Din l-għażla selettiva ta’ rrapportar, tinjora l-kuntest usa: iż-żieda rrappurtata hija wisq żgħira meta mqabbla ma’ tnaqqis fit-tul ta’ madwar 340,000 koppja ta’ gamiem – jew 37% minn l-2005. Skont ir-rapport tal-esperti tal-UE ppreżentat lit-Task Force f’Marzu 2025: “Fil-każ tar-rotta taċ-Ċentru u Lvant, id-data aġġornata tal-PECBMS turi xi rispons għall-miżuri ta’ restrizzjoni tal-kaċċa rrappurtati fl-aħħar sena, iżda dan mhux sinifikanti statistikament, u għandu bżonn jiġi kkonfermat fis-snin li ġejjin. B’mod ġenerali, skont ir-riżultati s’issa, l-uniku tibdil jidher li hu stabbilizzazzjoni fil-popolazzjoni u huwa biss ħjiel ta’ rkupru.
Fid-dawl ta’ dawn il-limitazzjonijiet, ir-rispons dgħajjef tal-popolazzjoni osservat f’din ir-rotta, meta mqabbel ma’ dak tal-Punent (u osservat biss f’sena waħda), jindika li l-kaċċa x’aktarx għadha sinifikanti jew f’livelli li huma ogħla mil-livell sigur — li għadu mhux magħruf.”
L-FKNK tonqos milli ssemmi li l-popolazzjonijiet tal-gamiem fir-rotta taċ-Ċentru u Lvant tal-Ewropa naqsu b’340,000 koppja mill-2005 — tnaqqis ta’ 37% f’19-il sena. Bħala riżultat, it-tendenza ta’ 10 snin tal-PECBMS għal din ir-rotta ċċaqilqet minn “stabbli” għal “tnaqqis moderat”, b’tendenza multiplikattiva li issa niżlet kompletament taħt 1 — indikatur ta’ tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni.
Malta reġgħet injorat ir-rakkomandazzjoni tal-esperti billi fetħet l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2025 fuq il-gamiema— staġun mifni b’illegalitajiet, inkluż kaċċa fuq l-għasafar qabel il-ftuħ uffiċjali tal-istaġun.
Barra minn hekk, il-gvern reġa’ ppermetta deroga — li kienet ipprojbita mill-2011 — biex l-FKNK tkun tista’ tonsob u żżomm il-gamiem. Minkejja li BirdLife Malta talbet diversi drabi lill-WBRU u liċ-Chairman tal-Kumitat Ornis, id-dettalji ta’ din id-deroga għadhom ma ġewx żvelati.
“BirdLife Malta mhix sorpriża bl-informazzjoni qarrieqa kontinwa mill-FKNK biex tipprova tabella taħt il-kappa tal-konservazzjoni, l-interessi tal-kaċċa,” qal il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara.
Dawn jinkludu:
- Tippreżenta l-insib u t-trobbija tal-gamiema bħala “reintroduzzjoni”
- Tippreżenta r-rilaxx ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq b’tags bħala
“riċerka xjentifika” - Tiddefendi l-qbid illegali tal-għasafar tal-għana taparsi għal “skopijiet ta’ riċerka”
B’dak li qed jiġri llum, l-unika ħaġa li l-FKNK fadlilha tbella hi li l-kaċċa
illegali ta’ speċi vulnerabbli waqt li qed ipassu lejn l-Ewropa biex ibejtu fir-rebbiegħa, hija forma ta’ konservazzjoni!