Lokali Qorti

Evita l-ħabs grazzi għal liġi ġdida minkejja li kien fil-pussess ta’ droga

Simon Peter Kind, raġel ta’ 47 sena minn Birżebbuġa, evita li jintbagħat il-ħabs minkejja li nstab ħati li fi Frar ta’ 13-il sena ilu kien fil-pussess ta’ droga amphetamine f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kien wieħed mill-ewwel fejn ġie applikat artiklu ġdid fil-liġi kriminali li jagħti diskrezzjoni lill-Qorti biex ma tikkundannax lill-akkużat għall-ħabs jekk il-piena prevista ma taqbiżx is-sentejn priġunerija, u l-akkużat ikun għamel progress riabilitattiv.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ordnat li Kind jitqiegħed taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin. Il-Qorti qieset il-fatt li l-imputat wera bidla sinifikanti f’ħajtu, ilu bogħod minn ħajja kriminali, u għaldaqstant ma ratx il-ħtieġa li jservi sentenza ta’ priġunerija effettiva.

Fl-istess ħin, il-Maġistrat wissiet lill-ħati li kull ksur tal-ordni ta’ probation jista’ jwassal għal kastig iktar gravi, fosthom ħabs. Kind ġie wkoll ordnat iħallas €1,300 biex ikopri l-ispejjeż tal-esperti tal-qorti, u ġiet ordnata l-konfiska ta’ €4,270 fi flus kontanti kif ukoll tliet mobile phones li nstabu fil-pussess tiegħu meta ġie arrestat. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Adriana Zammit u Marion Camilleri.