Fil-Qorti tal-Appell Kriminali, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kellha quddiemha każ li jpoġġi fid-dubju mhux biss il-provi kriminali, iżda wkoll il-mod kif isiru l-proċeduri quddiem il-qrati inferjuri. Neculai Dogaru, ċittadin Malti ta’ oriġini barranija, appella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati fejn kien instab ħati fuq erba’ akkużi relatati ma’ sewqan perikoluż, li kien fis-sakra f’post pubbliku, ksur tal-paċi pubblika, u reżistenza kontra uffiċjali tal-pulizija.
L-inċident seħħ fit-16 ta’ April 2023 fi Triq Fisher, l-Imġarr. Dogaru kien akkużat li saq il-vettura tiegħu b’mod traskurat, ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba x-xorb jew id-drogi, u li rrifjuta jagħti kampjun tan-nifs. Għalkemm kien meħlus minn dawn iż-żewġ akkużi, instab ħati fuq il-bqija, u ngħata piena ta’ sitt xhur ħabs u multa ta’ €5,000, flimkien ma’ sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal sena mill-ewwel Qorti.
Wieħed mill-punti kruċjali tal-appell kien li l-Qorti tal-Maġistrati qatt ma ħarġet sentenza formali miktuba skont il-liġi, iżda sempliċiment kellha notamenti miktubin mill-Maġistrat. Dan poġġa lill-appellant f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ serju biex jeżerċita d-dritt għall-appell, peress li d-dokumentazzjoni ma kinitx tindika b’mod ċar għal liema akkużi ngħatat kull piena.
Il-provi miġjuba mill-prosekuzzjoni kienu jinkludu affidavits ta’ erba’ uffiċjali tal-pulizija u filmati minn bodycams. Madankollu, id-difiża sostniet li wħud minn dawn l-affidavits kienu nieqsa minn formalitajiet essenzjali, bħall-indikazzjoni tal-post fejn ittieħdet ix-xhieda.
Barra minn hekk, il-bodycams ma ġewx vverifikati direttament mill-istess uffiċjali li kienu preżenti fuq il-post. Parti mill-footage kienet nieqsa mill-awdjo u mill-vista, u b’hekk il-Qorti ma kellhiex stampa sħiħa tal-ġrajjiet.
Il-kawża ġiet differita għas-sentenza fuq in-nullità tas-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Novembru 2024 għat-12 ta’ Ġunju 2025. Il-motivazzjoni tas-sentenza mhux waħda mir-rekwiżiti x’għandu jkun hemm fis-sentenza, u għalhekk ma hijix waħda nulla u għaldaqstant l-Imħallef Scerri Herrera ordnat l-prosegwiment tal-kawża.
Il-barranin u l-lingwa: Element Kritiku
Skont id-difiża, Dogaru ma kellux għarfien biżżejjed tal-lingwa Maltija jew Ingliża, iżda biss tat-Taljan. Għalkemm fil-Qorti ngħata interpretu waqt is-smigħ, waqt l-inċident innifsu ma ġiex assistit b’xi traduttur fuq il-post. Dan il-fatt, skont l-appellant, wassal għal nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva mal-pulizija u għamel il-ġrajja kollha ħafna iktar tensjonata.
Wieħed mill-aktar punti kontroversjali kien l-allegata reżistenza b’vjolenza lejn il-pulizija. PS826 xehed li Dogaru pprova jagħtih daqqa ta’ ras — azzjoni li ma dehritx b’mod ċar fil-footage ippreżentat. Anzi, f’mumenti partikolari deher li l-pulizija qabad lill-appellant mill-flokk tiegħu. Wara l-inċident, l-istess uffiċjali wassal lil Dogaru d-dar flimkien ma’ ħuh, mingħajr ma sar arrest formali.
Id-difiża argumentat li l-allegat ksur tal-liġi ma jissodisfax l-elementi legali meħtieġa biex tissussisti l-akkuża taħt l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Kriminali, li jitkellem dwar reżistenza b’vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi waqt l-eżekuzzjoni tal-liġi.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-każ Dogaru jirrifletti sfidi strutturali fis-sistema ġudizzjarja, fosthom il-ħtieġa li l-proċess quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jkun aktar trasparenti u dokumentat skont il-liġi. Nuqqas ta’ sentenza formali, problemi ta’ komunikazzjoni lingwistika mal-barranin, kif ukoll il-ħtieġa ta’ standard ogħla ta’ prova, kienu kollha elementi li daħlu fil-qalba ta’ dan l-appell.
Issa l-Qorti tal-Appell għandha l-kompitu mhux biss li tiddeċiedi dwar il-kriminalità jew l-innoċenza ta’ Dogaru, iżda wkoll li tagħti direzzjoni ċara fuq il-mod kif għandhom jitmexxew dawn il-proċeduri biex jiġi żgurat ġustizzja ġenwina u effettiva.
L-appellant ingħata terminu ta’ priġunerija effettiva, multa li taqbeż il-minimu impost mil-liġi u mingħajr il-fakolta’ li titħallas b’rati mensili, kif ukoll skwalifika tal-liċenzja tas-sewqan għal sena, meta l-minimu li tikkontempla l-liġi għal tali skwalifika hu ta’ tmint ijiem.
Tali piena x’aktarx li se twassal lill-appellant biex jitlef l-impjieg tiegħu u ġġib tbatija fuq dawk li jiddependu fuqu għall-għajxien tagħhom. Peress li xogħolu jirrikjedi liċenzja tas-sewqan valida, l-iskwalifika ordnata mill-ewwel Qorti hija aktar u aktar oneruza.
Filwaqt li l-Qrati ta’ Malta isostnu ħafna fuq l-aspett riformattiv tal-piena, l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti ma toħloqx bilanċ bejn l-aspett retributtiv u dak riformattiv. Għalkemm il-liġi trid tipproteġi lil dawk l-uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, aktar u aktar fid-dawl ta’ inċidenti aktar riċenti li seħħew fis-soċjeta’ tagħna, dan ma jfissirx illi kull akkuża li tikkonċerna tali uffiċjali bħala vittmi għandha
bilfors timmerita piena ta’ priġunerija effettiva.
Fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2025, il-Qorti tal-Appell kif preseduta ordnat li s-sentenza miktuba bl-idejn fuq il-komparixxi tiġi dattilografata stante li tali kaligrafija kienet indeċifrabbli u dan sabiex il-Qorti tkun f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni ta’ l-istess sentenza.
Il-Qorti tal-Appell qalet li ma huwix ekwu u ġust li parti li tkun tixtieq tappella ma jkollix is-sentenza f’idha sabiex tkun tista’ tipprepara aħjar ir-rikors tal-appell tagħha. Sfortunament dan huwa fenomenu li qiegħed isir aktar komuni, possibilment minħabba l-ammont kbir ta’ kawżi li ġudikant ikun qiegħed jippresjedi.
Dan pero’ ma jnaqqas xejn mid-dritt tal-imputat jew tal-Avukat Ġenerali li jkollu kopja tas-sentenza sabiex jimmotiva u jipprepara aħjar l-appell tiegħu u għalhekk l-imputat għandu jkollu l-fakolta li jiġbor kopja tas-sentenza mogħtija dakinhar li tingħata sabiex b’hekk it-terminu mogħti bil-liġi sabiex jintavola appell ma jiġix imnaqqas.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti tal-Appell tirrakommanda illi ssir emenda fil-Liġi sabiex meta ssir talba formali permezz ta’ rikors li fih jintalab kopja dattilografata tas-sentenza mogħtija, tali rikors għandu jingħadda lil Ġudikant li jkun ta’ tali sentenza fi żmien 24 siegħa.
Sadanittant l-istess Ġudikant imbagħad ikollu jumejn massimu sabiex jipprepara kopja dattilografata tas-sentenza mogħtija u dan sabiex it-terminu mogħti bil-liġi sabiex jiġi ntavolat rikors tal-appell ma jiġix mittiefes. Il-Qorti tal-Appell ordnat li kopja kemm ta’ din is-sentenza u kemm dik tal-Prim Awla jiġu minnufih trasmessi lill-Ministru tal-Ġustizzja. Għal Dogaru dehru l-Avukati Silvio Brincat u Charles Mercieca.
//= $special ?>