Internazzjonali

Iżrael jattakka lill-Iran, numru ta’ ċivili u tfal mejta

Il-militar Iżraeljan qal li spara madwar 100 drone fit-teritorju tal-Iran, dan wara li Iżrael nieda attakk kbir fuq l-Iran matul illejl.

L-IDF; il-Forza tad-Difiża Iżraeljana, qal li wettaq dawn l-attakki fuq siti nukleari tal-Iran, u saħqu li qatlu diversi mexxejja fosthom lil Hossein Salami, kif ukoll diversi xjentisti nukleari.

It-televiżjoni tal-Istat Iranjan qal li z-zona residenzjali ta’ Tehran kienet milquta u fost dawkk maqtula hemm iċ-ċivili u anke t-tfal.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu qal li dan l-attakk kien parti minn operazzjoni bl-sem ta’ Operation Rising Lion, u sostna li l-Iran huwa ta’ thedida għal Iżrael.

Wara dawn l-attakki Iżrael iddikjara stat ta’ emerġenza, filwaqt li l-Iran akkuża lill-Istati Uniti li qed jagħtu l-appoġġ taghom lil Iżrael, bil-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jgħid li kien jaf b’dawn l-attakki però ċaħad dawn l-akkużi. Filwaqt li s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio qal li l-Istati Uniti ma kinetx involuta f’dawn l-attakki.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit wissa lill-Iran u lil Iżrael biex jieħdu pass lura u jnaqqsu t-tensjoni, dan hekk kif wera t-tħassib serju tiegħu dwar din l-eskalazjoni.

Iżda, minkejja dawn il-kummenti, kelliem f’isem il-Forzi Armati tal-Iran qal li kemm Iżrael kif ukoll l-Istati Uniti se jħallsu prezz qares ta’ dawn l-attakki.