Il-player tal waterpolo Malti Jake Muscat fi stqarrija tenna li kontroversja kbira fix-xena tal-waterpolo f’Malta seħħet wara li l-klabb tiegħu Neptunes eskludih minn kull attività mat-tim ewlieni. Id-deċiżjoni ttieħdet b’rabta ma’ inċident li ma kellux x’jaqsam direttament mal-logħba.
Jidher li l-każ bejn il-player u l-klabb kiber u wasal fi stadju fejn Muscat beda proċeduri fil-Qorti, wara li hu qed jgħid li it-tim qed jimblokkalu ċ-ċans li jkompli l-karriera tiegħu. Huwa qed jikkontendi li minkejja li qalulu biex isib tim ieħor, il-klabb qed jagħmillu ostakli ma’ min irid li jingħaqad.
Jake Muscat qed jikkontendi wkoll li tneħħa b’mod indefinit mill-iskwadra ewlenija wara argument li kellu li seħħ barra l-kuntest sportiv. Il-klabb qed jipprova jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu, u diversi kritiċi qed isostnu li r-rispons kien eċċessiv u bla proporzjon, speċjalment fid-dawl tan-natura tal-inċident u l-fatt li ma kinitx affettwat il-prestazzjoni sportiva tiegħu.
L-istqarrija tgħid ukoll li d-deċiżjoni tal-klabb urtat ħafna lill-player internazzjonali Malti li jilgħab fil-kampjonat Taljan A1 mat-tim ta’ Palermo. Muscat qal li huwa qed jitqies bħala “periklu” għat-tim tiegħu, iżda fl-istess waqt irrelegaħ mat-tim taħt is-16-il sena — fejn qed jitħalla jittrenja ma’ plejers iżgħar fl-età.
Muscat qal li għalkemm inizjalment Neptunes kienu inkoraġġewh biex isib klabb ieħor, u huwa rnexxielu jsib tim ġdid, Muscat qed jgħid li llum qed jiġi mblukkat milli jikkonkludi t-trasferiment — deċiżjoni li effettivament ħallietu mingħajr il-possibbiltà li jilgħab, jittrenja jew ikompli l-karriera tiegħu.
Muscat saħaq ukoll li huwa qed ibati emozzjonalment minħabba s-sitwazzjoni, inkluż intimidazzjoni, iżolament, u problemi ta’ saħħa mentali li żviluppaw kawża ta’ dan l-esklużjoni sfurzata u l-inċertezza dwar il-futur tiegħu.
Tenna wkoll li f’dawn l-aħħar ġranet qed jiżdiedu l-appelli minn ġewwa l-komunità tal-waterpolo biex l-awtoritajiet sportivi jieħdu azzjoni immedjata, waqt li qed jitqajmu mistoqsijiet serji dwar kif qed jiġu mmaniġġjati u protetti l-atleti żgħażagħ f’ambjenti elite bħal dawn.
Intant, il-qorti issa qed tinvolvi ruħha hekk kif proċeduri legali ġew imnedija f’isem Muscat sabiex jinkiseb ir-rilaxx tiegħu mill-klabb u jingħata l-possibbiltà li jkompli l-karriera tiegħu mal-klabb il-ġdid li kien diġà ntlaħaq ftehim miegħu.
//= $special ?>