L-akbar nuqqas fil-ħaddiema huwa l-abbiltà li jieħdu deċiżjonijiet importanti fl-irwol tagħhom; filwaqt li l-aktar mod effettiv sabiex tiġi indirizzata l-isfida ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani speċjalizzati huwa t-taħriġ intern.
Dan ġie żvelat fi stħarriġ li sar mill-Misco b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ – survey li ffoka fuq it-taħriġ li jsir fil-post tax-xogħol.
Fl-istħarriġ li sar f’April u Mejju li għadda kemm min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema wieġbu numru ta’ mistoqsijiet b’rabta mal-importanza tat-taħriġ fil-post tax-xogħol. F’dan l-istħarriġ ipparteċipaw 457 persuna fejn 376 kienu ħaddiema u 81 kienu nies li jħaddmu.
Matul konferenza li ttellgħet il-Ġimgħa filgħodu ntqal li għalkemm kien hemm xi żidiet pożittivi, hemm ċertu affarijiet ta’ tħassib kbir – fost l-oħrajn, li kien hemm żieda sostanzjali f’ħaddiema li ma jridux taħriġ jew inkellha li mhumiex interessati li jagħmlu taħriġ għall-irwol tagħhom jew rwoli ġodda.
Intqal li 66% ta’ dawk li jħaddmu jemmnu li l-ħaddiema għadhom japplikaw għal rwoli li m’għandhomx il-kwalitajiet kollha neċessarji għalihom. Iżda fost il-ħaddiema kienu biss 33% dawk li qablu ma’ dan is-sentiment.
Apparti minn hekk, ġie żvelat ukoll li 27% tal-impjegati ma jridux taħriġ – statistika li żdiedet meta kkumparat mas-sena li għaddiet. Intqal ukoll li n-nuqqas ta’ kwalitajiet fl-impjegati jinkludu l-abbiltà biex jieħdu deċiżjonijiet effettivi kif ukoll biex jikkomunikaw b’mod effiċjenti.
Meta l-parteċipanti kienu affaċċjati bil-mistoqsija dwar kif se jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema speċjalizzati, il-maġġoranza qalu li l-aktar mod effettiv sabiex wieħed jindirizza dan in-nuqqas huwa li jsir taħriġ intern aktar milli tiddaħħal persuna ġdida.
Matul il-konferenza ssemma’ li għalkemm in-negozji f’pajjiżna qed jirrikonoxxu aktar l-importanza tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, l-aħħar statistika tal-Eurostat turi li kienu biss 45.1% li offrew it-taħriġ. B’dan ir-riżultat ifisser li Malta tinsab mal-aħħar sitta meta kkumparata mal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra fl-Ewropa. Infatti, bosta saħqu li t-taħriġ għandu jsir aktar frekwenti.
//= $special ?>