Lokali

L-FKNK titkellem dwar aħbar sinifikanti marbuta mal-passa tal-gamiem

Waqt laqgħa tal-Bord tal-FACE, fi Brussel, fit-3 ta’ Ġunju 2025, l-membri tal-Bord tal-FACE (Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u Konservazzjoni), inkluż il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), Lino Farrugia, li jokkupa wkoll il-pożizzjoni ta’ Viċi President tal-FACE għar-Reġjun tal-Mediterran, ġew infurmati li waqt l-aħħar laqgħa tan-NADEG (Expert Group on the Birds and Habitats Directives), il-Kummissjoni Ewropea irrapurtat li waqt ir-rebbiegħa tal-2024 ġiet irrapurtata żieda fil-popolazzjoni tal-gamiema li jpassi mir-rotta hekk imsejħa “Central/Eastern Flyway” li tinkludi l-gżejjer Maltin.

Il-Federazzjoni saħqet li din l-aħbar sinifikanti, rigward il-kaċċa prinċipali tal-kaċċaturi Maltin u Għawdxin, ġie milquħ b’entużjażmu mill-membri tal-Bord kollhu speċjalment mis-Sur Farrugia.

Waqt l-istess laqgħa, s-Segretarju Ġenerali tal-FACE Dr. David Scallan, enfażizza l-importanza tar-rapport “Article 12” li jmiss (darba kull sitt snin) jibgħatu l-Membri Stati lill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istat ta’ konservazzjoni tal-għasafar tal-passa f’kull pajjiż, peress li dawn ir-rapporti jistgħu jkunu deċiżivi għall-kaċċa ta’ xi speċi jew oħra. Ta’ importanza partikolari għal Malta, imma wkoll għall-pajjiżi l-oħra fil-baċir tal-Mediterran, huwa l-istat ta’ konservazzjoni tas-summiena, peress li skond il-Kummissjoni n-numri tas-summien qiegħed dejjem jonqos. Għaldaqstant, il-membri tal-FACE ġew imħeġġa sabiex jiġbru aktar dejta dwar l-amont ta’ summien f’kull pajjiż u jassiguraw li tali dejta tasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż, speċjalment għand ir-rappreżentanti tal-pajjiż li jipparteċipaw fil-laqgħat tan-NADEG.

Qed jiġi rrapurtat wkol li l-FKNK tinsab fuq ta’ quddiem biex tinġabar din id-dejta bis-saħħa tal-eżerċizzju “Sustainable Index” li ilha torganiżża bl-involviment volontarju tal-membri tagħha dawn l-aħħar tlett rebbiegħiet dwar il-gamiem, għax kif jafu l-parteċipanti membri, waqt din ir-rebbiegħa 2025 l-eżerċizzju ġabar dejta dwar is-summien ukoll apparti dwar il-gamiem bħas-snin ta’ qabel.