Il-proċeduri legali kontra Grazio Vella, sewwieq tat-taxi akkużat b’involontarjament ikkawża ġrieħi gravi lil turist Ġermaniż fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li tajjru bil-karozza – daħlu fi stadju delikat hekk kif qamet il-mistoqsija jekk il-perjodu għall-appell għandux jitqies bħala skadut.
L-istorja tmur lura għat-3 ta’ Ġunju 2018, meta Stephan Weber u martu Susanne Ruttman kienu qed jaqsmu t-triq viċin ir-Raca Parking fl-Ajruport, meta ntlaqat minn taxi li kien misjuq minn Vella. Weber sofra ġrieħi gravi u kien fil-periklu tal-mewt.
Minkejja li l-investigazzjonijiet u l-proċeduri inkwirenti ġabru diversi xhieda u rapporti, fosthom dawk tal-esperti Dr Mario Buttigieg u Dr Katya Vassallo, il-Qorti tal-Maġistrati, fil-verdett tagħha tal-26 ta’ Novembru 2024, illiberat lil Vella.
Skont il-Qorti, ma kien hemmx biżżejjed provi diretti li jissodisfaw il-livell rikjest fil-kamp kriminali. L-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni, isostni li l-Qorti tal-ewwel istanza għamlet apprezzament żbaljat tal-provi.
Skont il-Prosekuzzjoni, il-provi kienu jinkludu xhieda konsistenti mill-vittmi Weber u Ruttman, rapporti tekniċi li indikaw veloċità eċċessiva minn naħa tas-sewwieq, u nuqqas ta’ brejkjar qabel l-impatt.
Il-prosekuzzjini qalet li s-sewwieq kien għaddej b’veloċit eċċessiva għal dik it-triq u ż-żona fejn seħħ l-inċident. Huwa ma kellux ostakoli fit-triq u seta’ jara lil Stephan Weber u Susanne Ruttman jaqsmu t-triq. Huwa kien għadu ‘l bogħod meta Stephan Weber beda jaqsam it-triq u għalhekk kellu ċ-ċans kollu jnaqqas il-veloċita’ tal-vettura tiegħu li kieku żamm a ‘proper lookout’.
Fil-fatt, Stephan Weber kien laħaq qasam tliet kwarti tat-triq meta ntlaqat. Di piu’, l-impatt kien tant qawwi li Stephan Weber għola fl-ajru kważi l-għoli tal-vettura u faqa’ l-windscreen ta’ quddiem tal-vettura u għattan il-bonnet.
Dan juri li, kuntrarjament għal dak li allega s-sewwieq, kompliet tgħid il-prosekuzzjoni, li hu kien għaddej b’veloċità ta’ bejn 25 u 30 kilometru fis-siegħa, meta kien attwalment għaddej pjuttost b’veloċità eċċessiva għax kieku l-impatt ma kienx ikun daqshekk qawwi u l-ħsarat tal-vettura ma kinux ikunu daqshekk sostanzjali.
L-argument ewlieni tal-appell kien relatat mal-ammissibbiltà tax-xhieda miġbura waqt l-inkjesta maġisterjali. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ordnat li dawn ix-xhieda jiġu sfilżati (imneħħija), billi l-parti ċivili qatt ma kienet ikkontroeżaminata.
L-Avukat Ġenerali sostna li d-difiża qatt ma talbet formalment li dawn ix-xhieda jitressqu għall-kontroeżami u għalhekk dawn għandhom jitqiesu ammissibbli taħt l-Artikolu 646 tal-Kodiċi Kriminali.
Issa, hekk kif il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera semgħet l-appell, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-perjodu massimu biex jitressaq l-appell intemmx skont il-liġi. Jekk ikun hekk, jista’ jkun li l-appell jiġi miċħud fuq punti ta’ proċedura, mingħajr ma jiġi eżaminat l-mertu tal-provi.
Filwaqt li l-qrati issa għandhom quddiemhom materjal estensiv ta’ evidenza dokumentata, xhieda u argumenti legali, id-deċiżjoni dwar jekk il-proċess ta’ appell hux validu f’dawn iċ-ċirkostanzi tista’ tħalli impatt fuq kif jiġu amministrati każijiet simili fil-ġejjieni — partikolarment f’sitwazzjonijiet fejn il-provi ewlenin jinkisbu waqt inkjesta maġisterjali u l-partijiet interessati jkunu barra minn Malta.
Iż-żmien issa jinsab f’idejn il-Qorti tal-Appell biex tiddeċiedi mhux biss dwar il-kwistjoni proċedurali, iżda wkoll fuq il-mertu tal-każ innifsu — jiġifieri jekk Grazio Vella kellux responsabbiltà kriminali fl-inċident li kważi ħalla vittma għall-mewt.
Madankollu l-Qorti tal-Appell qalet li darba l-Avukat Ġenerali jirċievi l-Atti mill-Qorti tal-Maġistrati dana għandu terminu fatali ta’ 12-il jum tax-xogħol minn dakinhar illi rċieva l-Atti tal-kawża u mhux mill-għada li jkun irċevihom.
Il-Liġi hija ċara f’dan ir-rigward u tispeċifika eżatt meta għandu jibda t-terminu ta’ erbat ijiem tax-xogħol għan-nota illi l-Avukat Ġenerali bi ħsiebu jappella mis-sentenza tal-Qorti tal Maġistrati. Illi s-sentenza ngħatat nhar is-26 ta’ Novembru 2024 jum it-Tlieta u għalhekk erbat ijiem xogħol minn dakinhar tas-sentenza tigi nhar id-29 ta’ Novembru, 2024 u mhux it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2024 kif donnu qed jippretendi l-Avukat Ġenerali.
Dan għaliex l-leġislatur jgħid fl-artikolu 414 li l-erbat ijiem jibdew jiddekorru minn dakinhar li ngħatat is-sentenza għalhekk dan ifisser li l-jum meta ingħatat is-sentenza għandha tingħad ai fini ta’ komputazzjoni tal-erbat ijiem.
“Waqt illi t-terminu mogħti lill-Qorti li ppronunċjat is-sentenza biex titrasmetti l-atti ma jġibx in nullità tal-appell jekk ma jiġix osservat, għal kuntrarju, it terminu mogħti lill-pulizija huwa termini fatali anki
għall appell tal-Avukat Ġenerali.” Għalhekk din il-Qorti qed tiddikjara l-appell tal-Avukat Ġenerali fuori termine u tastjeni milli tieħu konjizzjoni ulterjuri ta’ dan il-każ.