minn Joe M. Zahra
Kwart tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna taħt it-18-il sena jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Persentaġġ għoli li hu maqbuż biss minn dak tal-anzjani ’l fuq minn 65 sena fejn il-persentaġġ hu ta’ iktar minn 30 fil-mija.
Dak li qed iseħħ f’pajjiżna fejn għandna 108,406 persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hu riżultat ta’ mudell ekonomiku li jaħseb iktar biex ikompli jaġevola lil dawk li jinsabu tajjeb a skapitu tal-bqija li mhumiex.
Mudell ekonomiku fejn id-distakk bejn min għandu ħafna u l-bqija qed ikompli jikber u jitwessa.
Mudell ekonomiku mibni fuq it-tkabbir tal-ekonomija bażat fuq l-importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema barranin.
L-iktar ħaddiema minbarra l-Unjoni Ewropea li jitħallsu pagi baxxi u li mhux tort tagħhom qed iwasslu biex ħaddiema Maltin ikollha jitqannew b’dak li joffrulhom.

Biex id-distakk ma jkomplix jikber
Dan hu li jrid jiġi korrett jekk irridu li f’pajjiżna d-distakk ma jkomplix jikber kif seħħ fl-aħħar tnax-il sena.
Il-mudell ekonomiku preżenti qed igerrex liż-żgħażagħ tagħna minn pajjiżhom. Illum nafu li f’sena 7,000 żgħażagħ ħallew pajjiżna biex isibu futur aħjar f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Sal-lum konna ngħidu li r-raġunijiet għaliex iż-żgħażagħ qed jitbiegħdu minn pajjiżhom huma l-għoli tal-ħajja, l-ambjent u t-traffiku. Ma’ dawn issa rridu nżidu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali li ħafna mit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna qed jgħixu fih.
Nafu li hemm studenti żgħażagħ li jagħmlu użu mis-‘soup kitchens’ biex jieklu. Nafu li ħafna studenti, minkejja l-istipendji li jingħataw, ikollhom ifittxu wkoll xogħol biex ikunu jistgħu jissuktaw bl-istudji tagħhom.
Nafu li ftit huma dawk iż-żgħażagħ li jistgħu jixtru l-ewwel post tagħhom minħabba ż-żieda fenominali fil-prezz tal-proprjetà. Żieda ta’ 125 fil-mija meta ż-żidiet mogħtija skont il-COLA li tinħadem fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet żdiedet b’25 fil-mija. Li jfisser li l-proprjetà għoliet ħames darbiet iktar miż-żidiet li jinħarġu għall-għoli tal-ħajja. Kieku tgħid li dawn iż-żgħażagħ jistgħu jikru nifhimha. Iżda anke l-kirjiet għolew it-tripplu taż-żidiet fil-pagi.
Quddiem dan kollu ż-żgħażagħ tagħna mhumiex kuntenti f’pajjiżhom u għalhekk ifittxu pajjiżi oħrajn fejn jissuktaw b’ħajjithom.
Diskriminazzjoni fl-impjiegi
Meta niftakru li t-twelidijiet f’pajjiżna qed jonqsu u huma fl-iktar livell baxx, meta naraw kif sena wara sena l-popolazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin qed tiżdied bi ftit mijiet, hi ħasra li ż-żgħażagħ tagħna mhumiex qed ikunu inkoraġġiti jibqgħu f’pajjiżhom.
Kif jista’ żagħżugħ jibqa’ jgħix f’Malta u Għawdex meta jara d-diskriminazzjoni li għaddejja fl-impjiegi u fil-ħatriet taħt imnieħru! Meta jaraw li żagħżugħ li rċieva l-edukazzjoni miegħu u huma kellhom riżultati aħjar, għaliex dak iż-żagħżugħ hu ta’ kulur aħmar allura jieħu preċedenza fuq min hu iktar kwalifikat. Fejn hi l-meritokrazija li tant tkellmu dwarha lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2013?
Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq. Minn kull angolu. L-ekonomija mhix dak li jpinġuha. Kellna l-aħħar żewġ kwarti tas-sena l-oħra fejn il-Prodott Domestiku Gross iġġammja. Fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra kellna l-ogħla żbilanċ tal-Gvern fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Gvern għal xahar wara l-ieħor qed juri żbilanċ fil-finanzi tiegħu. Il-Gvern qed idaħħal inqas u jonfoq iktar. Fl-istess erba’ xhur diġà ssellef €550 miljun!
Quddiem dan kollu ż-żgħażagħ tagħna mhumiex jaraw futur għalihom f’pajjiżhom. Għal dawk il-kwart tal-popolazzjoni żagħżugħa taħt it-18-il sena li qed jgħixu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali s-sitwazzjoni hi iktar prekarja.
Il-miżuri li jieħu l-Partit Nazzjonalista
Il-Gvern x’qed jagħmel? Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-faqar fost dawk ta’ taħt it-18-il sena jista’ jiġi eradikat. Tliet shadow ministers: Ivan Bartolo, Graziella Attard Previ u Albert Buttigieg tennew li Gvern ġdid Nazzjonalista jmexxi politika li tkisser iċ-ċiklu tal-faqar u li tagħti futur aħjar lil kull tifla u tifel f’pajjiżna. Dan isir permezz ta’ miżuri preventivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal:
• Aċċess għall-edukazzjoni;
• Kura tas-saħħa u nutrizzjoni;
• Programmi ta’ protezzjoni soċjali;
• Sigurtà ekonomika għall-familji;
• Appoġġ komunitarju u parteċipazzjoni tat-tfal.
Filwaqt li hu l-obbligu tal-Gvern li jaħdem biex ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura, hu l-Partit Nazzjonalista li qed joħroġ bil-proposti biex darba fil-gvern dan iseħħ.
//= $special ?>Dak li qed iseħħ f’pajjiżna fejn għandna 108,406 persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hu riżultat ta’ mudell ekonomiku li jaħseb iktar biex ikompli jaġevola lil dawk li jinsabu tajjeb a skapitu tal-bqijaDan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Ġunju, 2025.