Lokali

Sidien tal-bini li ġġarraf f’Paceville se jieħdu azzjoni legali biex ifittxu għad-danni

Wara stqarrija li saret fil-Borża ta’ Malta, kumpanija partikolari ħabbret li se tkun qed tieħu passi legali biex tiddefendi l-interessi tagħha. Dan wara li jumejn ilu ġġarfret il-binja Tania Flats fi Triq Paceville – biswit sit ta’ kostruzzjoni.

Is-Segretarju ta’ Santumas Shareholdings qal li se jieħdu l-passi neċessarji biex ipattu għall-ħsarat li sofrew.

Din il-kumpanija hija sid ta’ żewġ proprjetajiet f’din il-blokka.

Ilbieraħ, l-iżviluppaturi tas-sit li biswit tiegħu kkrollat binja f’Paceville, qed jinsistu li l-bini ma ġġarrafx minħabba xogħol li kien qed isir minnhom.

Il-kumpanija Excel Trading fi stqarrija preċiżat li x-xogħol ta’ twaqqigħ fis-sit tagħhom (fejn kien hemm l-istabbiliment The Avenue) kien lest fis-7 ta’ Mejju. Għalkemm imbagħad, ġew iċċirkolati filmati online li juru li dan ma kienx il-każ.

Fl-istess stqarrija, intqal li fl-aħħar jiem, il-Perit appuntat mill-iżviluppaturi – Glenn Zammit – innota difetti fil-binja biswit is-sit.

L-iżviluppaturi qalu li l-binja Tania Flats kellha problemi strutturali li kienu ilhom hemm. U allura, intlaħaq qbil mas-sidien ta’ dawn l-appartamenti biex jibdew xogħlijiet ta’ tiswija urġenti.