Lokali

Student Malti bl-awtiżmu jikseb suċċess u jirbaħ kompetizzjoni internazzjonali tal-matematika

Joe Cassar

Jean Karol Farrugia jiġi fl-ewwel post fost 32,670 parteċipant minn madwar id-dinja fil-kompetizzjoni SuperTmatik

Jean Karol Farrugia, student ta’ 15-il sena miż-Żejtun li jattendi l-iskola Carlo Diacono – Kulleġġ St Thomas Moore, kiseb suċċess kbir għalih, għall-għalliema tiegħu u għall-iskola li jattendi fiha meta ftit ġimgħat ilu pparteċipa f’kompetizzjoni internazzjonali tal-matematika u ġie fl-ewwel post. Ċertament unur ukoll għal pajjiżna.

Student ieħor Malti, Jake Zammit, mill-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, ikklassifika fl-għaxar post. Din kienet id-19-il edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża bl-isem SuperTmatik.

Is-suċċess ta’ Jean Karol jikber fil-valur tiegħu meta wieħed iqis li f’din il-kompetizzjoni ħadu sehem 32,670 parteċipant minn madwar id-dinja u li din il-kompetizzjoni ma kinetx limitata għal tfal b’xi kundizzjoni, imma għall-istudenti kollha.

Jean Karol kien ilu jipprova jikseb dan is-suċċess sa minn meta kellu 10 snin u dejjem kiseb riżultati sodisfaċenti. Imma għall-kompetizzjoni ta’ din is-sena, li għaliha pparteċipaw numru rekord ta’ studenti minn bosta pajjiżi, laħaq il-quċċata meta rnexxielu jegħleb lil kulħadd u jikseb l-ewwel post.

Bla dubju ta’ xejn, wara dan is-suċċess, minbarra l-għalliema tal-matematika Kimberley Camilleri Psaila, u l-LSE tiegħu Diandra Ellul, hemm ukoll il-ġenituri tat-tifel Antonella u Kevin Farrugia, li taw ukoll l-appoġġ kollu tagħhom f’dan is-suċċess ta’ binhom.

Iltqajt magħhom fl-uffiċċju tiegħi fid-Dar Ċentrali u staqsejthom kif ħadu l-aħbar tas-suċċess ta’ binhom u jekk kinux qed jistennew riżultat bħal dan. Qaluli li kellhom ‘feeling’ li Jean Karol jikklassifika mal-aħjar 10, imma qatt ma basru li kien se jikseb proprju l-ewwel post.

“Kienet sorpriża sabiħa li bilkemm stajna nemmnu. Nafu kemm Jean Karol huwa bravu fis-suġġett u kemm jieħdu bis-serjetà, u nafu wkoll bl-impenn kontinwu tat-tmexxija tal-iskola, tas-Surmast Adrian Galea, tal-għalliema tal-matematika Kimberley Camilleri Psaila u tal-LSE Diandra Ellul, li aħna rikonoxxenti lejhom. Imma xorta waħda ma bsarniex li t-tifel kien se jikseb daqshekk suċċess fost tant eluf li pparteċipaw. Naturalment, kuntenti ħafna.”

Min-naħa tagħna, f’isem il-qarrejja tagħna wkoll, nifirħu lil Jean Karol u nawgurawlu aktar suċċessi f’dan is-suġġett tant għal qalbu tal-matematika.