Lokali Qorti

Żagħżugħ u żitu jammettu li kkaġunaw feriti fuq raġel fl-awla tal-Imħallef Francesco Depasquale

Żagħżugħ ta’ 28 sena u z-zija tiegħu ta’ 45 sena residenti San Pawl il-Baħar ingħataw sentenza sospiża b’rabta ma’ ġlieda li seħħet fl-awla tal-Imħallef Francesco Depasquale wara li ammettew li kkaġunaw feriti gravi fuq raġel Huma ammettew ukoll li kisru u l-paċi pubblika u li ma obdewx l-ordnijiet mogħtija lilhom mill-Imħallef sedenti.

Shamison Zammit u Graziella Vella kienu l-persuni li ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Il-kommossjoni seħħet tard nhar l-Erbgħa filgħodu waqt kawża ċivili dwar boathouse li kellhom l-akkużati kontra persuni oħra.

Irriżulta li meta beda s-smigħ ta’ din il-kawża, waqt li l-avukati rispettivi kienu qed jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom, Shamison Zammit beda juri imġiba ta’ sfida u aggressività lejn il-partijiet avversarji Marlo Mifsud, li spiċċa ferut, u Chantal Mifsud, li wkoll spiċċat aggredita.

F’ħin minnhom, Zammit beda joffendi lill-partijiet l-oħra u immedjatament wara qasam l-awla fejn mar b’mod aggressiv u deliberat lejn Marlo Mifsud u attakkah b’mod fiżiku. Huwa ħabtu mal-ħajt u tah diversi daqqiet bil-ponn u bir-riġlejn, partikolarment daqqiet vjolenti f’wiċċu, tant li kkawżalu ġrieħi gravi u li beda ħiereġ id-demm minn wiċċu.

Iż-żagħżugħ ġie mixli wkoll li ssekwestra lill-vittma u li kkaġuna feriti ħfief fuq Chantal Mifsud li ppruvat twaqqaf il-ġlieda. Wara li ammettew il-ħtija tal-akkużi kontrihom il-Qorti kkundannat lil Shamison Zammit sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u lil Graziella Vella 14-il xahar sospiżi għal 24 xahar.

Il-Qorti poġġiet ukoll liż-żewġ ħatja taħt ordni ta’ trażżin u ma jistgħux jersqu jew jagħmlu kuntatt ma’ Marlo Mifsud u Chantal Mifsud.

Id-difiża tmexxiet mill-Avukat Mario Mifsud u l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo u Gabriel Micallef megħjuna mill-avukati Mauro Abela u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ta’ min isemmi li wara li bdiet il-ġlieda nhar l-Erbgħa, il-Qorti għamlet sejħa immedjata għall-għajnuna tas-sigurtà tal-qorti. Madankollu, il-ħaddiema tas-sigurtà waslu biss madwar ħames minuti wara l-bidu tal-ġlieda, meta l-aggressjoni kienet diġà ntemmet permezz tal-intervent ta’ diversi membri tal-familja li kienu preżenti fl-awla.

Fil-mument tal-inċident ma kienx hemm preżenza ta’ uffiċjali tas-sigurtà ġewwa l-awla. L-Imħallef Depasquale appella lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li każijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu, permezz tal-ħatra ta’ uffiċjali tas-sigurtà mħarrġa apposta.

Kien ukoll l-Imħallef li ordna biex il-Pulizija jiġu infurmati sabiex jibdew il-proċeduri kriminali kontra Zammit minħabba l-assalt li wettaq fuq Mifsud. Depasquale nnota li ilu snin iqajjem it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ sigurtà adegwata fil-Qrati tal-Ġustizzja.