Lokali

“Eroj għax issalvaw il-ħajjiet” – Id-donaturi tad-demm f’Malta jingħataw ġieħ

“Donazzjoni li tiswa’ mitlqu deheb – intom eroj għax issalvaw il-ħajjiet”

Saħqet dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, fil-Palazz ta’ San Anton … f’ċelebrazzjoni kommemorattiva li tat ġieħ lid-donaturi tad-demm.

Myriam Spiteri Debono semmiet kif bosta pazjenti li tiltaqa’ magħhom hi, jisħqu magħha illi kemm-il darba spiċċaw f’xifer il-mewt, u bis-saħħa tad-donaturi tad-demm jerġgħu jieħdu ħajjithom lura.

Hi tkellmet ukoll dwar kif dawk li jkunu involuti f’xi inċident traġiku u jsalvaw  – parti kbira mill-irkupru tagħhom huwa dovut għad-donaturi tad-demm.

Intant din iċ-ċelebrazzjoni kienet d-9 waħda tax-xorta tagħha – u f’din is-serata sar ringrazzjament lid-donaturi għall-għotja tad-demm tagħhom. Fost dawk onorati kien hemm infermiera u staff mill-Malta National Blood Transfusion Service.

Fis-sertata inqraw poeżiji relatati – bl-isem ta’ ‘Qatra Qatra’ u ‘Eroj ta’ bosta’ – poeżiji li komplew jixprunaw l-aprezzament lejn dawn in-nies li jagħtu d-demm sabiex isalvaw il-ħajjiet; serata li kienet imżewqa minn kant u mużika.

Din iċ-ċelebrazzjoni saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u fl-aħħar ta’ dan l-avveniment ingħataw ukoll plakek kommemorattivi sabiex anke jiġu rikonoxxuti mill-Istat Malti tal-għotjiet tagħhom.