Lokali

Ħabs wara li nqabad idur ħdejn klabb taż-żgħażagħ bid-droga

Jamie Badawi, żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Fgura, inżamm arrestat wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu droga, inkluż ecstasy, kokaina, u kannabis, viċin klabb taż-żgħażagħ f’San Ġwann.

L-arrest seħħ wara li l-pulizija sabu 8 pilloli ecstasy u zewg pakketti kannabis fil-pussess tal-agressur, fiż-żona ta’ 100 metru l’bogħod minn klabb ta’ żgħażagħ.

Badawi, li kien akkużat ukoll li seta’ kien qed jittraffika d-droga, allega li l-pulizija użaw il-forza eċċessiva, inkluż l-użu ta’ taser.

Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ma sabitux ħati tal-pussess tal-kannabis jew ta’ biċċa minnha fid-dawl tat-tibdil fil-liġi dwar il-pussess tal-kannabis.

Fl-istess waqt sabitu ħati tal-akkużi l-oħra u meta ġiet biex tagħti l-piena qieset, fost oħrajn, li dakinhar kellu 19-il sena u l-ammont tad-droga misjuba.

Kien għalhekk li kkundannatu 11-il xahar ħabs u ordnatlu jħallas €1,275 multa b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Justine Grech.