“Ħadt dan il-pass biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ. U bħalma għażilt li nikkontesta għal Kap fl-interess tal-pajjiż u tal-PN, għall-istess raġuni għażilt li nirriżenja
Kliem Bernard Grech f’kummenti lill-Professur Andrew Azzopardi fuq l-istazzjoni tar-radju RTK, hekk kif kien intervistat dwar l-aħħar żviluppi ta’ din il-ġimgħa fil-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech stqarr li r-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet deċiżjoni li ttieħdet fl-aħjar interess tal-Partit sabiex il-PN ikompli jissaħħaħ, u titwettaq il-bidla li verament hemm bżonn.
Fil-kumment tiegħu lill-Professur Andrew Azzopardi, Bernard Grech qal li hu jemmen li kull persuna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għandha rwol importanti u għandha wkoll terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha; u hu propju għażel li jagħmel dan il-pass sabiex jagħti ċans ġdid lill-partit.
Fl-intervista fuq l-istazzjon RTK, isemma’ l-fatt li aktar kmieni matul il-jum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ikkonfermat li mhux se tkun qed tikkontesta għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, minkejja dak li kien qed jiġi rrappurtat fl-aħħar jiem.
Meta mistoqsi direttament dwar id-deċizzjoni ta’ Roberta Metsola, Bernard Grech stqarr li jirrispetta d-deċiżjoni tagħha, filwaqt li fakkar li hi għandha rwol importanti ħafna fl-Ewropa.
Il-proċess għal ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN se jiskatta fit-22 ta’ Ġunju li ġej, meta jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali.
//= $special ?>