Sport Waterpolo

Hu d-dmir tiegħi li naqdi t-tim nazzjonali bl-aħjar mod li nista’ – Jake Tanti, gowlkiper ta’ Malta

(Ritratt: Abby Bonello

Is-sitt kwalifikazzjoni konsekuttiva tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo għall-Kampjonat Ewropew għadha tidwi fost l-isportivi. Jekk l-ewwel żewġ logħbiet ta’ Grupp D kienu importanti għaliex kienu determinanti fil-kwalifikazzjoni ta’ Malta, daqstant ieħor kienet l-aħħar logħba tal-grupp kontra Franza.

Minkejja l-kwalità tal-avversarji, it-tim nazzjonali Malti lagħab waħda mill-aqwa logħbiet u kien sfortunat li ħareġ fuq in-naħa telliefa bl-għoti tal-penalties, speċjalment wara li prattikament kien fil-vantaġġ tul il-logħba. Ir-riżultat finali nissel fiduċja fil-kamp lokali ta’ dan l-isport li Malta tista’ verament tagħmel pass ieħor u tilħaq nazzjonijiet ta’ livell ftit għola.

Wieħed mill-protagonisti f’din il-logħba kien il-gowlkiper Jake Tanti li salva lit-tim Malti f’għadd ta’ okkażjonijiet. Tanti ġej minn staġun pożittiv ma’ CN Mataro fi Spanja, bit-tim ikklassifika fil-ħames post fil-kampjonat u kiseb post f’kompetizzjoni Ewropea.

“Kontra Franza nemmen li kien ħaqqna ħafna iktar u hi dejjem diffiċli li titlef bil-penalties. Konna dejjem fil-logħba kontra tim iktar stmat minna. Hi diffiċli li tlifna bil-penalties però nistgħu ngħidu li ħriġna mill-pixxina b’rasna mgħollija. Qed nuru li l-waterpolo Malti qed jagħmel passi ‘l quddiem.” Mistoqsi kif jiddeskrivi l-prestazzjoni mill-aqwa li kellu kontra Franza, Jake Tanti wieġeb li “hu d-dmir tiegħi li naqdi t-tim nazzjonali bl-aħjar mod li nista’.”

Il-futur immedjat ta’ Jake Tanti hu ma’ San Ġiljan hekk kif il-klabb Ġiljaniż qed jimmira li jirritorna għar-rebħ fl-istaġun tas-sajf u fi tmiem is-sajf, Tanti jirritorna ma’ CN Mataro fi Spanja. Iżda għall-gowlkiper ta’ 27 sena, il-futur għalih hu li jibqa’ jilgħab kemm jista’ jkun barra minn Malta. “Inħares li nibqa’ nikber fil-waterpolo u nħares li nibqa’ ngħin lil Malta tikber fil-waterpolo.”