Is-sistema mhux taħdem – il-falliment fil-proċess tas-Settur tal-Kostruzzjoni qed ipoġġi il-ħajja tan-nies u r-reputazzjoni ta’ Malta f’riskju kbir.
Sostniet dan il-Kamra tal-Kummerċ hekk kif insistiet li għal darb’oħra huwa ta’ inkwiet kbir wara li krollat binja oħra – din id-darba fl-akwata ta’ Paceville aktar kmieni din il-ġimgħa.
Il-Kamra tal-Kummerċ, spjegat li b’mod mirakuluż ħadd ma ndarab, u insistiet li din kienet biss fortuna li dan kollu ma spiċċax fi traġedja għaliex iż-żona hija waħda mill-aktar frekwentata fil-Gżejjer Maltin – b’folol kbar ta’ nies ġejjin u sejrin bil-mixi – żgħażagħ, turisti u ħaddiema.
Intqal li inutli nirreklamaw turiżmu ta’ kwalità u nsegwu n-narrattiva ambizzjuża tal-Viżjoni 2050….meta inċidenti bħal dawn qed jibqgħu jippersistu.
Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li dan mhux inċident iżolat, hekk kif jirrifletti sekwenza ta’ inċidenti li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ framework biex l-affarijiet isiru b’mod mill-aktar sigur. Intqal li filwaqt li hemm żviluppaturi u kuntratturi li jieħdu l-prekawzzjonijiet kollha neċessarji, hemm nuqqas kbir f’dak li għandu x’jaqsam site management, nuqqas kbir ta’ infurzar u settur li l-profitti jiġu l-ewwel u qabel kollox…inkluż is-sigurtà taċ-ċittadini.
Il-Kamra tal-Kummerċ wissiet li dan l-aġir mhux biss qed ikun ta’ theddida għal ħajja tan-nies, iżda anke għall-istabbilità ekonomika tal-pajjiż, ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta u s-settur turistiku.
Inċidenti, partikolarment f’Paceville, iwasslu messaġġ orribbli lejn min forsi kien bea jitħajjar iżur jew jinvesti f’pajjiżna – hekk kif ingħata x’jifhem li taħt din it-tmexxija hawn nuqqas ta’ ħarsien lejn is-sigurtà. Intqal kif sena wara oħra nisimgħu b’inizjattivi u riformi madanakollu huwa evidenti li dan is-settur għadu mhux jopera kif mixtieq.
Il-Kamra insistiet li ma nistgħux naffordjaw kollass ieħor u appellat lill-awtoritajiet b’mod urġenti li jittieħdu miżuri effettivi u deċiżivi li jerġgħu jiksbu l-ordni u l-kontrabbiltà f’din l-industrija.
Intqal ukoll kif it-trasparenza għandha tkun pilastru ewlieni u essenzjali hekk kif il-pubbliku għandu jkollu aċċess dirett b’informazzjoni fuq proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom.
Dan mhux biss biex jiġu evitati aktar traġedji – imma wkoll biex tiġi protetta l-istabbiltà ekonomiku tal-pajjiż.
//= $special ?>