Lokali

Jammetti li kien hemm ‘delays’ sabiex jiġu evakwati r-residenti f’Paceville

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ammetta li fil-jumejn ta’ stennija qabel ġew evakwati r-residenti mill-binja li ċediet – kien hemm riskju imminenti.

F’kummenti li ta lil din il-kamra tal-aħarbijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, Roderick Bonnici, ammetta li kien hemm dak li hu nnifsu sejħilhom ‘delays’, ċioè dewmien, sabiex jiġu evakwati r-residenti ta’ Tania Flats minħabba diskussjonijiet li kellhom isiru…minkejja li kien hemm riskju imminenti.

Fil-jum tat-Tnejn, il-Perit ta’ Tania Flats, Chris Mintoff ippreżenta rapport dwar ir-riskju li dan il-bini kien jinsab fih.

Skont Bonnici, kellhom isiru diskussjonijiet u proċessi interni qabel ma ġew evakwati r-residenti – minkejja l-periklu li kien hemm għar-residenti tal-appartamenti, għar-residenti, u l-istabbilimenti tal-madwar u anke għal dawk li kienu fiż-żona.

F’ħidma konġunta bejn il-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà u anke l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni…għaddej proċess sabiex jitwaqqa’ l-kumplament tal-bini li ċeda sabiex jitneħħa l-periklu lil dawk tal-madwar.

F’kummenti li ta’ lil Net News Graham Attard, id-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – spjega illi matul il-jum tal-Ġimgħa ddaħħlu numru ta’ inġenji fiż-żona, fejn mbagħad fil-jum tas-Sibt beda’ l-proċess ta’ controlled demolition.

Id-Deputat Direttur tas-CPD spjega illi mal-wasla tal-uffiċjali nhar l-Erbgħa l-prijorità kienet li ma kienx hemm persuni maqbudin, u li ż-żoni tal-madwar kienu sikuri.

Iżda, matul l-aħħar jiem il-BCA, talbet l-għajnuna tas-CPD sabiex isir il-proċess ta’ controlled demolition.

Ritratt: Martin Agius

L-Erbgħa li għadda, ċediet binja f’Paceville, wara xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir maġenb din l-istess binja. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident hekk kif ir-residenti tal-binja kienu evakwati wara jumejn ta’ rapporti kundannabbli dwar is-sigurtà tal-binja.

Rapporti indikaw illi t-Tnejn li għadda, kien il-Perit Chris Mintoff li daħħal l-ewwel rapport dwar din il-binja. Wara kienet ukoll il-BCA li ppreżentat rapport ieħor.

Minkejja dawn ir-rapporti – l-awtoritatjiet f”jumejn għażlu li jsejjħu diskussjonijiet mingħajr l-evakwazzjoni tar-residenti.