Lokali

L-MŻPN u Team Start PN jirringrazzjaw lil Bernard Grech tal-ħidma tiegħu

Bħala l-fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u Team Start PN, jirringrazzjaw lill-Kap uxxenti Bernard Grech tal-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar erba’ snin u nofs kemm ilu jservi bħala Kap tal-Partit.

Huma saħqu li taħt it-tmexxija ta’ Grech, dejjem ingħataw l-opportunità li jaħdmu u jsemmgħu leħinnhom, waqt li jkunu ta’ kontribut. “Ħdimna biex sibna għadd sabiħ ta’ żgħażagħ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, u sarrafna dik il-ħidma f’riżultati mill-aktar inkoraġġanti.”

Il-fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista saħqu li jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li se jħalli warajh Bernard Grech.

“Jeħtieġ li t-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista, twassal fejn twassal, tkun waħda li tħares biex tibni ġejjieni aħjar għal pajjiżna, speċjalment għalina ż-żgħażagħ.”

Huma rringrazjaw lil Bernard Grech, talli dejjem ġab fuq quddiem il-ġid tal-Partit Nazzjonalista u tal-għażiża Malta tagħna.