Futbol Sport

Matul il-lejl li ġej jingħata bidu għat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs

(Ritratt: EPA)

Matul dan il-lejl li ġej fl-Istati Uniti se jingħata bidu għall-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs. Kompetizzjoni li tista’ titiqies ġdida hekk kif fil-passat kienet issir kompetizzjoni simili iżda b’inqas klabbs u fuq perjodu iqsar. Fis-2.00am Al Ahly se jilagħbu kontra Inter Miami. Matul il-jum tal-Ħadd mbagħad, Bayern Munich jilagħbu kontra Auckland City fis-6.00pm u fid-9.00pm PSG kontra Atletico Madrid.

B’kollox se jkunu qed jieħdu sehem 32 klabb minflok sebgħa kif kien isir fil-passat, fejn din il-kompetizzjoni se tkun qed issir kull erba’ snin minflok kull sena. Fil-format tal-passat kienu jieħdu sehem ir-rebbieħa tal-UEFA Champions League, timijiet mill-Amerika t’Isfel (CONMEBOL), mill-Asja (AFC), mill-Afrika (CAF), Amerika (CONCACAF) u mill-Oċeanja (OFC).

Din il-kompetizzjoni se tibqa’ għaddej għal 29 jum sat-13 ta’ Lulju bil-partiti se jintlagħbu fi 12-il stadium differenti bil-finali ssir fil-MetLife Stadium f’New Jersey.

Kull tim se jkun qed jilgħab fi grupp ta’ erba’ timijiet, bl-ewwel żewġ timijiet javvanzaw għall-fażi tan-knockout. Ir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni se jieħu mal-€100 miljun.

Din il-kompetizzjoni se tkun waħda kontroversjali hekk kif bosta kritiċi qalu li l-kalendarju tal-futbol sar fih wisq partiti li jpoġġi f’riskju s-saħħa tal-plejers kif ukoll anke l-livell tal-partiti li naraw.

Bosta plejers ukoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar din il-kompetizzjoni. Is-suq tat-trasferimenti kien miftuħ għal xi jiem qabel ma’ bdiet din il-kompetizzjoni bit-timijiet setgħu jakkwistaw plejers ġodda.

Il-gruppi kollha huma dawn:

Grupp A: Palmeiras, Porto, Al Ahly, Inter Miami

Grupp B: Paris Saint-Germain, Atletico Madrid, Botafogo, Seattle Sounders

Grupp Ċ: Bayern Munich, Benfica, Boca Juniors, Auckland City

Grupp D: Flamengo, Chelsea, Esperance Sportive de Tunis, Leon

Grupp E: River Plate, Inter Milan, CF Monterrey, Urawa Red Diamonds

Grupp F: Fluminense, Borussia Dortmund, Ulsan HD, Mamelodi Sundowns

Grupp G: Manchester City, Juventus, Wydad AC, Al Ain

Grupp H: Real Madrid, FC Salzburg, Al Hilal, CF Pachuca