Internazzjonali

Teskala t-tensjoni bejn Iżrael u l-Iran

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni statali tal-Iran qed jirrapportaw li 60 persuna, inklużi 20 tifel u tifla, inqatlu fl-attakk Iżraeljan tal-ġimgħa fuq bini residenzjali f’Tehran.

L-Iżrael qal li qed jimmira għall-postijiet militari, inklużi faċilitajiet nukleari. L-aħħar ċifri uffiċjali maħruġa mir-rappreżentant tal-pajjiż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti intqal li kienu 78 persuna maqtula waqt attakki

Il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt kien lejl sħiħ ikkaratterizzat minn attakki kontinwi bejn Iżrael u l-Iran; bi splużjonijiet ripetuti jinstemgħu mhux biss f’Ġerusalemm u Tel Aviv, iżda anke f’Teheran.

Tard bil-lejl, l-Iranjani niedew mewġa wara l-oħra ta’ attakki b’ritaljazzjoni, u kmieni filgħodu, il-militar Iżraeljan qal li se jkompli bl-attakki biex jelimina t-theddida tal-Iran.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres talab lil Iran u lil Iżrael biex iwaqqfu l-eskalazzjoni tat-tensjoni fil-Lvant Nofsani. U qal li b’mod imminenti għandha tirbaħ il-paċi u d-diplomazija.

Iktar kmieni, il-President Amerikan Donald Trump wera t-tħassib tiegħu, u appella lill-Iran biex jilħaq ftehim ċar fuq il-programm nukleari tiegħu, u għall-Istati Uniti jkun hemm l-opportunità li jirrispondu b’miżuri addizzjonali, kemm jekk attakki militari jew inkella b’sanzjonijiet ekonomiċi aktar stretti.

Il-Ċina, min-naħa tagħha, kkundannat dan il-konflitt u sostniet il-bżonn li tiġi rispettata l-integrità territorjali tal-Iran. Dan juri li dan il-konflitt mhux se jkun limitat biss għal Iżrael u l-Iran, iżda jista’ jinvolvi stati oħra fil-Lvant Nofsani u għaldaqstant joħloq tensjoni internazzjonali, bil-pajjiżi globali kollha jħarsu lejn l-iżviluppi bl-iktar attenzjoni.

Dan il-konflitt jista’ jkompli jħalli impatt kbir fuq id-diplomazija internazzjonali, u jikkumplika l-kuntest tal-liġi internazzjonali u r-rivoluzzjonijiet politiċi li qed isiru f’dawn l-aħħar żminijiet, li jġibu sfidi kbar għal soluzzjonijiet paċifiċi.