Lokali

Appell qawwi mill-MEIA biex ikun hemm aktar trasparenza

Għal darb’oħra, qed nerġgħu intennu t-tħassib tagħhna dwar ħatriet li qed isiru b’mod politiku minflok bi proċess indipendenti u trasparenti.

Kien dan is-sentiment espress mill-MEIA, l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, wara l-ħatra ta’ Luke Dalli bħala Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsilll Malti għall-Arti.

Fi stqarrija, il-MEIA spjegat li ħatriet bi proċess bħal dan ixekklu t-tama ta’ persuni li jkunu jixtiequ li jirnexxu fis-settur tal-kultura. U dawk kollha li ilhom jaħdmu f’dan is-settur tal-arti fuq bażi full-time iħossu li ma jisgħux ikollhom fiduċja fis-sistema ta’ kif jingħataw impjiegi importanti. Dan filwaqt li jħossu li għandhom inqas opportunitajiet.

Il-MEIA sotniet li din mhux l-ewwel darba li qed tagħmel sejħa għat-trasparenza hekk kif  ilha żmien twil tisħaq biex impjiegi ta’ tmexxija f’dan is-settur, issiru b’mod differenti.

B’din l-assoċjazzjoni tgħid li dan huwa essenzjali sabiex tiżgura il-kredibbiltà, il-governanza tajba u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-kultura.

Intant, il-MEIA awgurat lil Luke Dalli għall-kariga li ingħata hekk kif spjegaw li huma ma għandhom xejn kontra l-ħatra tiegħu fuq livell personali; però t-tħassib tagħhom huwa dwar kif hu ingħata dan l-irwol.

L-assoċjazzjoni irringrazzjat ukoll lil Albert Marshall tal-ħidma tiegħu, filwaqt li fi tmiem l-istqarrija urew ix-xewqa li jkomplu jaħdmu mal-Kunsill tal-Arti u istituzzjonijiet oħra pubbliċi.