Investigazzjoni b’rabta ma’ traffikar ta’ droga waslet biex matul il-lejl ta’ bejn it-13 u 14 ta’ Ġunju, ġew arrestati tliet persuni – żewġt irġiel u mara – li allegatament jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata fejn jidħol traffikar ta’ droga.
L-operazzjoni bdiet għall-ħabta tas-1:30am. Il-pulizija waqqfu vettura fl-inħawi Tal-Balal, f’San Ġwann, li fiha kien hemm tliet persuni.
Minn tfittxija li saret fil-vettura instabu ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll trab abjad allegatament kokaina.
Minn hemm il-Pulizija kompliet bit-tfittxijiet f’diversi residenzi tal-persuni arrestati, fejn ġie arrestat raġel ieħor filwaqt li nstabu wkoll aktar sustanzi allegatament droga, fosthom madwar 400 pillola ecstasy, ketamina, metamfetamina, ħaxixa tal-kannabis u kannabis sintetika. Bil-valur totali tad-droga konfiskata jlaħħaq mat-€30,000.
Il-persuni involuti li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-23 u 30 sena qegħdin jinżammu arrestati mill-Pulizija, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
//= $special ?>