Lokali

Konkluż il-proċess li permezz tiegħu tneħħa l-periklu li kien hemm biswit is-sit ta’ kostruzzjoni f’Paceville

Se tkompli l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit x'ikkawża dan il-kollass

Tard illejla, is-CPD, l-OHSA u l-BCA ikkonkludew il-proċess li permezz tiegħu neħħew kull periklu li kien hemm fis-sit ta’ Paceville. Dan wara ħidma twila u intensiva ta’ tliet ijiem.

Fi stqarrija, intqal illi ftit tal-ħin ilu tlesta l-proċess ta’ ‘controlled demolition’.

Dan il-proċess kien importanti wara li l-binja li iġġarfet l-Erbgħa bil-lejl ma waqgħetx kompletament; u kien hemm nofs l-appartamenti li baqgħu litteralment imdendlin għal isfel. U allura, kien meħtieġ dan l-intervent biex ma tikrollax il-kumplament ta’ Tania Flats.

Fl-istqarrija, intqal ukoll li l-proċess se jkompli bit-tieni fażi fil-jiem li ġejjin meta għandu jitneħħa kull periklu minn Triq Paceville – minħabba l-fatt li t-terrapien u l-bricks kienu spiċċaw f’nofs ta’ triq.

Apparti minn hekk, se tkompli l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’ikkawża dan il-kollass – investigazzjonijiet li qed jitmexxew b’mod indipendenti minn professjonisti li ġew appuntati mill-BCA.