Kulħadd għandu jingħaqad wara l-Kap ġdid tal-PN li se jintgħażel wara l-proċess skont l-istatut tal-Partit. Jien qdejt b’sens qawwi ta’ dmir u issa se nkun qiegħed inkompli nservi lill-Kap il-ġdid bl-istess sens ta’ dmir u lealtà.
Hu f’dawn il-mumenti diffiċli tal-Partit li kulħadd għandu jqum għall-okkażjoni, sew jekk hux min qed jikkunsidra li jikkontesta għal Kap, sew jekk hux attivist, kunsillier jew membru tal-Kumitat jew ta’ xi fergħa.
F’intervista waqt il-programm Analiżi fuq Net TV, Bernard Grech spjega r-raġunijiet wara d-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, u tenna li din ittieħdet b’responsabbiltà u lealtà lejn il-familja Nazzjonalista u lejn Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, bħalma kien ħass id-dmir li jidħol għal din il-kariga f’mument diffiċli għall-Partit Nazzjonalista, illum ħass l-istess dmir li jagħmel pass lura biex jiftaħ it-triq għal kapitlu ġdid. Qatt ma dħalt għall-glorja personali, imma biex inservi, saħaq Bernard Grech, waqt li żied jgħid li llum qed iħalli Partit aktar magħqud u aktar sod, u wiegħed li se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil min jieħu f’idejh jew f’idejha t-tmexxija.
Dwar il-proċess tal-ħatra tal-kap il-ġdid, Bernard Grech qal li immedjatament sejjaħ laqgħa tal-Eżekuttiv biex jiżgura li l-proċess jitnieda mingħajr dewmien. Dan mhux il-mument li naħlu l-ħin. Il-pajjiż għandu bżonn alternattiva serja għal dan il-Gvern, qal Bernard Grech. Huwa tenna li hu ħa d-deċiżjoni tar-riżenja għax fehem li dan kien fl-aqwa interess għall-Partit u għall-pajjiż.
Fid-dawl ta’ manuvri mill-Partit Laburissta biex ixekklu l-proċess tal-elezzjoni tal-Kap, Bernard Grech qal li jinsab kompletament seren. Hu qal li issa jiddependi minn kull min irid jara lill-Partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem, jekk inħallux lill-Partit Laburista jkompli jfixkel jew le.
Hu qal li kull min irid verament jgħin lill-Partit Nazzjonalista għandu jiġi u jitkellem b’mod kostruttiv.
Mistoqsi għandux il-preferenza tiegħu għal Kap ġdid, Bernard Grech fakkar li l-PN kien biddel l-istatut biex l-għażla tal-Kap tkun f’idejn it-tesserati jew f’każ ta’ kandidat wieħed f’idejn il-Kunsillieri. Dawn ilkoll għandhom l-għerf u s-sens ta’ ġudizzju tajjeb biex jagħmlu l-għażla t-tajba. Wara li jgħaddi l-proċess, kulħadd għandu jagħti l-appoġġ sħiħ lill-Kap magħżul, tenna Bernard Grech.
Dwar il-każ ta’ Manoel Island, Bernard Grech fakkar li hu kien talab trasparenza sħiħ dwar dan il-kuntratt, u l-Gvern kien kompletament injora dan. Kien għalhek li mbagħad talab għal investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali. Iżda issa Robert Abela ammetta li hemm ksur tal-kuntratt u għalhekk issa wieħed jistenna li l-Prim Ministru juri li sema’ t-talba tan-nies u jara li dan is-sit isir park nazzjonali.
Fuq l-inċident gravi li seħħ din il-ġimgħa f’Paceville, Bernard Grech qal li hu importanti li jkun hemm ċertezza dwar il-fatti kif kienu imma qal li l-Prim Ministru ilu assenti minn meta seħħ l-inċident u għadu ma serraħx ras il-poplu li l-affarijiet qed isiru kif suppost.
Filwaqt li sellem lill-missirijiet kollha f’Jum il-Missier, Bernard Grech rabat il-figura ta’ missier tajjeb ma’ dik ta’ mexxej responsabbli. Bħal missier, il-mexxej għandu jmexxi b’għaqal, lealtà u viżjoni, temm jgħid.
//= $special ?>