Internazzjonali

L-attakki ta’ Iżrael ħallew lill-Iran fl-aktar stat vulnerabbli għal għexieren ta’ snin…bl-isparar tal-missili jkompli min-naħa għall-oħra

.

Il-qawwiet ta’ Iżrael u l-Iran komplew jattakkaw l-ibliet ta’ xulxin fl-akbar mewġa ta’ azzjonijiet militari reċiproċi mindu twaqqaf l-Istat fundamentalista Iranjan lejn l-aħħar tas-snin sebgħin.

Intant, jidher li l-ewwel mewġa ta’ attakki minn Iżrael (matul il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa) ħalliet lill-militar Iranjan – b’mod partikulari l-Gwardja Rivoluzzjonarja elitista f’Tehran – fl-aktar sitwazzjoni vulnerabbli għal għexieren ta’ snin…Dan wara li nqerdu diversi Kapijiet ewlenin tal-Armata, flimkien ma’ talanqas għaxar xjenzati li kienu jispeċjalizzaw fis-settur nukleari.

It-tensjoni tinsab fl-ogħla livell possibbli u bl-Iran jiddikjara li jinsab fi stat uffiċjali ta’ gwerra ma’ Iżrael. Intant, l-Iranjani, fl-aħħar sigħat, sparaw burraxka ta’ missili lejn Iżrael fejn mietu talanqas għaxar ċivili — b’aktar minn 100 jindarbu.

Ir-rapporti minn Bat Yam ( f’Iżrael) qalu wkoll li kien hemm diversi nies maqbudin taħt blokk ta’ appartamenti li kkrolla wara li nqered minn missila.

Jidher ukoll li l-attakki tal-Iżraeljani fuq l-Iran, li komplew fl-aħħar sigħat, laqtu numru ta’ ċentri ‘sensittivi’, fosthom bażijiet tal-Armata, u fejn anki rriżultaw l-għexieren ta’ mejtin li jinkludu ċivili.

L-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani anki laqtu d-depot taż-żejt ta’ Shahran li jinsab f’zona ta’ Tehran u bħala parti mill-istrateġija għall-offensiva fuq l-Iran. Iżda r-raffinerija baqgħet tiffunzjona minkejja li xi sezzjonijiet tagħha kienu ħadu n-nar b’kaġun tal-attakk.

Fl-istess ħin – u minkejja indikazzjonijiet ċari li l-Iran sofra bil-kbir taħt il-burraxka tal-attakki mill-Iżraeljani – l-Iranjani ftit qed jipprovdu informazzjoni dwar il-faċilitajiet u l-infrastruttura meqruda. Dan meta hu diffiċli ħafna biex is-sorsi indipendenti jirrappurtaw dwar l-iżviluppi mis-siti tal-Iran li spiċċaw mira għal Iżrael.

L-Iżraeljani qalu, issa, li l-missili tagħhom laqtu direttament lill-kwartieri-ġenerali tal-Ministeru Iranjan għad-Difiża fil-provinċja ta’ Isfahan. Intant, il-Gvern Iżlamiku Iranjan qed jinsisti li pajjiżu għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu quddiem l-aggressjoni ta’ Iżrael.

Iżda l-Iżraeljani għamluha ċara li se jagħmlu kulma jistgħu biex l-Iran ma jispiċċa qatt fil-pussess tal-armamenti nukleari – u meta jidher ukoll li din il-mewġa ta’ attakki għandha wkoll l-iskop li telimina lir-reġim fundamentalista f’Tehran immexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei.

Fl-aħħar attakki fuq Tehran, il-fighter jets tal-Iżraeljani attakkaw talanqas 100 mira speċifika li jinkludu l-fergħa għar-riċerka tal-Ministeru tad-Difiża u miri oħrajn fejn ir-reġim Iranjan, allegatament, qed jaħbi l-entitajiet nukleari flimien ma’ siti għall-ħażniet tal-fuel.

Fl-offensiva tal-Iżraeljani fuq l-Iran, li dieħla fir-raba’ jum, intlaqtu viċin it-800 ‘komponent’ tal-infrastruttura militari bħala parti mill-kampanja ta’ gwerra mlaqqma Operation Rising Lion..

U waqt li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tinsab aktar inċerta minn qatt qabel, il-Gvern tar-Renju Unit wissa liċ-ċittadini Britanniċi biex ma jivvjaġġawx lejn Iżrael….Twissija li fl-aħħar sigħat kienu qed jirrepetuha wkoll pajjiżi oħra tal-Punent.

Hu minnu wkoll li l-ispazju tal-ajru fuq Iżrael ilu magħluq mindu l-pajjiż, nhar il-Ġimgħa, iddikjara stat ta’ emerġenza li għadu effettiv sa issa.